Memorji qosra
Spiss tisma’ lil min jitkellem fuq avvenimenti strambi bħallikieku qed jiġru fi żmienna għall-ewwel darba jew li huma xi fenomeni ta’ żmienna biss. Bi ftit ħsieb tintebaħ li l-memorji ta’ bosta ma tantx iservuhom tajjeb għax jinsew li l-istramberiji li jilmħu ġraw ukoll fl-imgħoddi, xi kultant b’intensità jew frekwenza aktar milli fil-preżent. Ħafna donnhom jippreferu jaħsbu li ż-żmien li jgħixu fih huma huwa aktar speċjali minn żminijiet oħra.
Żmien uniku?
Avvenimenti naturali, politiċi, soċjali jew ukoll ekonomiċi spiss jiġbdu l-attenzjoni għar-rarità tagħhom. Ħafna jeħduhom bħala affarijiet li qatt ma ġraw bħalhom qabel u li, għalhekk, iqisuhom bħala xi sinjal li żmienna xi affarijiet qed imorru lura jew huma eċċezzjonali.
Jekk toqgħod biss fuq il-memorja tan-nies, dan jidher perfettament loġiku. Iżda jekk tqallem il-paġni tal-istorja, imqar ħafif ħafif, tintebaħ li din l-impressjoni ma tagħmel sens xejn. Il-biċċa l-kbira tal-affarijiet li jiġru fi żmienna, kemm dawk li tagħmel il-natura daqskemm dawk li jagħmel il-bniedem, ġraw spiss fl-imgħoddi u xi kultant b’frekwenza u b’intensitajiet akbar.
Imma kemm-il darba tisma’ lil min jgħid: ‘Ma niftakarx li qatt ġara hekk!’ jew ‘Din fi żmienna biss tiġri, għax qatt ma ġrat ħaġa bħal din!’ u għajdut ieħor bħal dan? L-impressjoni li tieħu hija li żmienna hu xi żmien speċjali li fih jiġru affarijiet uniċi fl-istorja.
Niftakru li rridu
Il-memorja tal-bniedem hi qasira. U ħafna wkoll. Apparti li jiftakar biss dak li jrid, b’għażla arbitrarja jew preġudikata, il-ħajja tiegħu hi wkoll qasira meta mqabbla mal-mogħdija taż-żmien. Dak li jiftakar kull bniedem hu l-imgħoddi reċenti, u xi kultant lanqas dan ma jiftakar sewwa.
Aħna lkoll nippreferu nemmnu li l-memorja tagħna hi tajba, korretta u preċiża. Dan m’hu minnu xejn. Il-memorji tagħna lkoll aktarx huma fil-fatt ħżiena, żbaljati u impreċiżi. Il-memorji tal-biċċa l-kbira tagħna mhux biss jinsew ħafna affarijiet li ma jinteressawniex, imma wkoll jgħawġu l-fatti, jibdlulhom il-kuntest u jagħtuhom interpretazzjoni li jaqblilhom.
Mingħajr kotba tal-istorja, jew imqar ta’ xi statistiċi, il-memorji tal-bnedmin ma tistax toqgħod fuqhom, ukoll meta ma jkunux ibatu bid-demenzja. Imqar minn sena għal oħra ma jlaħħqu l-memorji tal-bnedmin, aħseb u ara minn żmien għal żmien, jew minn ġenerazzjoni għal oħra!
Xejn ġdid
Żmienna m’hu xejn aħjar jew agħar minn żminijiet oħra. Dak li jiġri llum, fin-natura daqskemm f’għemil il-bniedem, ġara diġà u għad jerġa’ jiġri u jiġri, xi kultant b’mod agħar u xi minn daqqiet b’mod aħjar. Dan mhux għax iż-żmien hu ċikliku u jirrepeti ruħu kull tant snin, imma għax l-avvenimenti jirrepetu ruħhom qishom kienu xi ħaġa ġdida.
Ir-Rumani kienu jgħidu: “Xejn ġdid m’hawn taħt il-kappa tax-xemx”, u jidhirli li kellhom raġun. Aħna m’aħniex speċjali u lanqas m’hu speċjali żmienna. Lanqas m’hu agħar minn żminijiet oħra. Hu żmien, bħall-oħrajn ta’ qablu u l-oħra ta’ warajh, u fih jiġru dak li dejjem ġara u li dejjem għad jiġri.
X’jurina dan kollu? Jurina li dawk li jfettlilhom jaħsbu li llum jiġru affarijiet straordinarji li qatt ma l-bniedem ra bħalhom aktarx huma mqarrqin u sejrin żball. Biżżejjed jikkonsulta ftit l-istorja biex jara kemm dan hu minnu. Le, m’aħniex ngħixu f’xi żmien mingħajr preċedenti. Preċedenti hemm kemm trid.
Kull bniedem jinsa malajr. Jagħmel tajjeb jekk imqar jiftakar ħaġa waħda biss: li ma jistax joqgħod wisq fuq il-memorja qasira tiegħu.

Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt għal aktar tagħrif.
Comments
Post a Comment