Armi tan-nar għall-bejgħ!

Ġiet f’idejja kopja tal-magażin On Parade, imqassma f’Malta ma’ gazzetta bl-Ingliż f’Ottubru li għadda. Huwa magażin prodott l-aktar mill-Forzi Armati ta’ Malta, u fih wieħed isib bosta artikli interessanti. Madanakollu, fuq paġna minnhom, laqatni riklam għall-bejgħ tal-armi tan-nar minn ħanut f’Malta. Ġabli l-kurżità għax ma stennejtx li għandi nsib, la f’dal-magażin u la mkien ieħor fil-Gżejjer Maltin, riklam għal kumpanija li hija magħrufa bħala l-‘akbar qattiela tal-Ġermanja’.

Produtturi tal-armi

Ix-xiri tal-armi tan-nar f’pajjiżna, kemm jekk dan isir lokalment jew jekk minn barra, hu kkontrollat mill-‘Att dwar l-Armi’ (Kap. 480 tal-Liġijiet ta’ Malta) u sitt Leġislazzjonijiet Sussidjarji (480.01–06). Il-liġi tirregola l-armi fl-idejn, inkluż iż-żamma u l-bejgħ tagħhom. Imkien ma tgħid fuq minfejn jistgħu jew ma jistgħux ikunu qed jinxtraw dawn l-armi tan-nar.

Fis-sit tal-ħanut li ġab ir-riklam tal-armi tan-nar, jingħad li l-ħażna tiegħu tikkonsisti biss f’armi sportivi u ‘ċivili’. Dawn jiġu mixtrija minn diversi kumpaniji tal-produzzjoni tal-armi tan-nar, fosthom Canik tat-Turkija, Browning, Winchester, Taurus, u CZ, ilkoll tal-Amerika, Glock tal-Awstrija, Walther tal-Ġermanja, u Sig tal-Iżvizzera-Ġermanja, kif ukoll il-kumpanija Ġermaniża Heckler & Koch.

Dawn il-kumpaniji kollha ma jipproduċux biss armi sportivi u ċivili; jipprovdu wkoll kull tip ta’ armi tan-nar u l-aċċessarji kollha li jmorru magħhom għall-gwerra. Bosta minnhom għandhom nies f’pożizzjonijiet influwenti li jistgħu jkabbru, mhux biss iż-żieda terribbli fl-armamenti, iżda wkoll l-inċidenza tal-gwerra nnifisha.

Kumpanija qattiela

Ir-riklam li rajt fuq l-armi tan-nar mill-kumpanija Ġermaniża Heckler & Koch (HK) ma jgħid xejn fuq x’tip hi din il-kumpanija. Fis-sit tal-bejjiegħ jingħad biss li l-motto tagħha huwa ‘Ebda Kompromess!’, u li tissupplixxi “armi żgħar” lill-aqwa forzi militari, tal-pulizija u tas-sigurtà fid-dinja. Dan huwa ftit minn dak li jista’ jingħad.

Ngħidu aħna, sa minn meta twaqqfet fl-1949, il-kumpanija HK jingħad li kienet responsabbli għal aktar minn 2 miljun imwiet madwar id-dinja! Skont għejun ta’ min joqgħod fuqhom (fosthom Amnesty International u Oxfam GB), l-HK ipprovdiet armi tan-nar f’żoni tal-gwerra bħal fil-Bosnija, in-Nepal, is-Sudan, it-Tajlandja u Burma. Sa evaditet ir-restrizzjonijiet fl-esportazzjoni tal-armi tal-Unjoni Ewropea f’żoni tal-gwerra bħal fl-Indonesja, is-Sri Lanka u Sierra Leone. Skont id-dokumenti ta’ Stuttgarter Nachrichten (2011), kif ukoll l-aġenzija Ġermaniża ARD, il-kumpanija HK ipprovdied l-armi tan-nar lir-ribelli li attakkaw li Gaddafi f’daru fi Tripli f’Awwissu tal-2011.

Skont attivisti Ġermaniżi kkwotati mill-gazzetta The Guardian fi tmiem is-sena li għaddiet, il-kumpanija HK hija “l-akbar qattiela tal-Ġermanja”. F’Awwissu li għadda, l-HK wiegħdet li ma kinetx se tibqa tesporta aktar armi tan-nar f’żoni ta’ gwerra, legalment u mhux. Ħafna ma jemmnuhiex; anzi, jaraw din bħala mossa għal ħabi aktar fin.

L-etika tas-sosten

Hu etiku li jsir kummerċ ma’ kumpanija ‘qattiela’ bħal din, jew ma’ xi kumpanija oħra simili għaliha? Il-liġijiet ta’ Malta ma jipprojbuhx — minkejja l-impenn statutorju li għandna fil-Kostituzzjoni tagħna li pajjiżna “jrid attivament jilħaq il-paċi ... fost in-nazzjonijiet kollha”. Finanzjament ta’ kull mod, inkluż xiri ta’ armi tan-nar minn kumpanija bħall-HK u oħrajn bħalha, huwa sosten, mhux favur il-paċi, imma favur il-gwerra u l-qerda fost il-ġnus.

Sfortunatament, f’pajjiżna m’għandna ebda programm ta’ edukazzjoni għaddej fil-kultura u l-ħtiġijiet tal-paċi, la mill-gvern u lanqas mill-privat. Safejn naf jien, ebda skola ma tgħallem suġġett bħal dan, ħalli t-tfal jibdew minn età ċkejkna jħobbu l-paċi u jfittxuha dejjem u bil-qalb. Minkejja li suppost aħna pajjiż li ‘attivament’ jaħdem għall-paċi, ma jsir xejn mid-dehra biex din l-attitudni titrawwem fin-nies — ta’ kull età.

L-armi tan-nar huma l-qerda tad-dinja. Malta għandha tkun minn tal-ewwel li twarrabhom u tieqaf tikkoopera ma’ kulmin ma jwarrabhomx.


Agħfas fuq l-istampa t'hawn taħt għal aktar tagħrif. Grazzi.
 
http://www.bdlbooks.com/philosophy/3773-malta-s-philosophy-philosophers.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?