L-akbar ħtieġa


Ilkoll nafu x’inhuma l-ħtiġijiet personali tagħna; għall-anqas hekk naħsbu. Huma ħtiġijiet ta’ kull għamla u sura; għal moħħna, qalbna u ġisimna. Xi wħud mill-ħtiġijiet huma kapriċċużi; oħrajn essenzjali. Iżda jista’ jkun li hemm ukoll ħtiġijiet li jaħarbulna minn moħħna; insejnihom jew nessewhomlna. Fosthom jista’ jkun hemm l-akbar ħtieġa: dik li NISTAQSU!

Il-kumdità materjali

Aħna lkoll neħtieġu kull xorta ta’ affarijiet biex niffunzjonaw tajjeb. Irridu nieklu u nixorbu; irridu nilbsu; irridu saqaf fuq rasna; irridu nżommu lilna nfusna nodfa u b’saħħtina; irridu naħdmu; irridu niddevertu; irridu nieħdu ħsieb il-familja tagħna; irridu nitgħallmu u nedukaw lilna nfusna; irridu t-trasport; irridu nżommuna informati; irridu l-ħbieb; irridu ... irridu ... irridu.

Ħafna minn dawn il-ħtiġijiet huma tabilħaqq meħtieġa. Oħrajn m’humiex; huma ħtiġijiet maħluqa, jew mill-kappriċċożità tagħna, jew mis-suq li jagħfas fuqna. Is-suq, infatti, il-ħin kollu jwebbilna biex niksbu, niksbu, niksbu, u nixtru, nixtru u nixtru. Dejjem qiegħed iwebbilna li għandna l-ħtieġa ta’ aktar affarijiet ... meta fil-fatt ma jkollniex.

L-Alla ‘Kumdità’—alla kbir u qawwi, l-aktar tal-pajjiżi żviluppati—hu donnu dejjem bil-ġuħ; dejjem irid; dejjem jara x’se jdaħħlilna f’rasna. U aħna, ibda minni, ħafna drabi noqogħdu għalih; inpaxxuh; nagħtuh widen. B’hekk, il-ħtiġijiet tagħna—veri jew mistħajla—il-ħin kollu joktru u jiżdiedu. M’hemmx tmiem għalihom. Hemm biss kluba.

Moħħ fuq tiegħu

Bħala pajjiż ukoll, il-ħtiġijiet joktru skont il-livell taċ-ċiviltà tagħna. Ħadd minna m’għadu jikkuntenta ruħu b’li jgħaddi. Irridu kollox; irridu l-aħjar; irriduh malajr; irriduh issa. Ma nħossux li għandna nkunu inqas minn pajjiżi oħra f’dawk li huma servizzi, kumditajiet u faċilitajiet. Ma tagħtiniex tort sal-aħħar: ilkoll kemm aħna nħallsu l-belli flejjes għal dan kollu; u nħossu li għandna jedd għalih.

Imma l-jedd m’għandux jieqaf mal-ħtiġijiet—veri jew mistħajla—materjali. Il-kultura tagħna, il-kultura ta’ moħħna u ta’ qalbna, il-kultura tal-karattru tagħna u tal-personalitajiet tagħna ... dawn ukoll għandhom il-ħtiġijiet tagħhom; u bosta drabi ninsewhom. Anzi, ħafna drabi l-kumdità fiżika tgħażżen il-moħħ, ittellqu u traqqadnu l-ħajra biex jibqa’ jikber, jitgħallem ... u jaħseb.

Il-kumdità spiss issibha l-qerda tad-dinamiżmu, kemm jekk fiżika u kemm jekk mentali. Moħħ fuq ruħu ma jfittixx biss li jitpaxxa u jorqod; ifittex li jkun attiv, li jfittex, li jiskopri u, fuq kollox, ... li jistaqsi. Moħħ għażżien huwa l-qerda ta’ bniedem, ukoll jekk dak il-bniedem ikun fiżikment paxxut f’kollox. Moħħ għażżien u mitluq ixejjaħ in-nies; mhux biss, imma wkoll jagħmilhom ħobż għal min irid jisfruttahom.

Is-suq konsumerista hu tal-ewwel li jisfrutta mħuħ bħal dawn.

L-għażż tal-lum

Moħħ ħadd m’għandu jkun hekk. Kultura b’saħħitha—kultura tal-qalb, trar-ruħ, tal-ispirtu, tal-karattru, tal-personalità, tal-individwalità, tal-identità—tiddependi fuq moħħ attiv li ma jikkuntenta qatt b’dak li għandu; moħħ li jrid dejjem ikun jaf aktar, moħħ li jikkwestjona dak li ħaddieħor iridu jaċċetta bla diskussjoni, moħħ li jiddubita miċ-ċertitudnijiet, moħħ ... li jistaqsi dejjem.

Din, infatti, hija l-akbar ħtieġa tal-poplu Malti u Għawdxi llum: li jitgħallem u jidra jistaqsi aktar. Le, mhux li jaċċetta u jibla’ kollox; mhux li joqgħod għal kulma jgħidulu, kemm jekk il-politiċi, kemm jekk is-saċerdoti, kemm jekk is-suq, kemm jekk il-midja, u kemm jekk il-ħbieb u l-qraba. Moħħ b’saħħtu, jistaqsi dejjem; ma jibla’ xejn mingħajr ma l-ewwel jixtarru u jqisu sew.

Ħażin jekk jien u int inġiegħlu moħħna jitgħażżen, jintreħa jew jorqod. Ħażin jekk nieqfu nistaqsu. Ħażin jekk inkunu mzazen. Ħażin għax dan ifaqqar ’il qalbna u ’l ruħna u ’l-ispirtu tagħna; ħażin għax imarrad il-personalità, l-identità u l-karattru tagħna.

Bnedmin b’saħħithom f’ruħhom daqskemm f’ġisimhom ma jittraskuraw qatt din l-akbar ħtieġa li jistaqsu.

Is-sena t-tajba lil kulħadd!

Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt għal aktar tagħrif. Grazzi.

http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/5013-the-amazing-story-of-manuel-dimech.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?