Libera nos, Domine!

Il-kampanja sistematika, organizzata, insidjuża, traditorja, li qed issir kontra pajjiżna—aktarx orkestrata minn barra; għandu mnejn minn xi kmamar f’Brussell—qed tmiss kull rokna tal-istabbilità nazzjonali. Il-ħsieb ewlieni tagħha hija li tkabbar kemm jista’ jkun is-suspett populesk biex forsi—min jaf?—xi darba jirnexxielha tikseb xi mandat elettorali. Imn’alla l-amministrazzjoni governattiva qed iżżomm rasha bierda. Imn’alla.

Riħ ivenven

Li ’l din il-kampanja djabolika taqtgħalha l-għatx bil-perżuta għandha mnejn hi l-aħjar mod kif tħalliha tifga f’demmha. Għax tifga f’demmha se jkollha tagħmel ladarba m’għandhiex suriet oħra—aktar onorabbli—ta’ kif tikseb xi ftit tal-art fil-proċess demokratiku. L-isfiduċja tal-poplu fl-għadd kbir tiegħu, mhux darba, imma darbtejn, ħareġ lil min jistaħba wara dil-kampanja ta’ mażetta; u jerġa’ joħorġu.

Għax għalkemm il-poplu tagħna hu wieħed paċenzjuż—u dan urieh ħafna drabi fl-imgħoddi—huwa poplu deċenti li l-għajb jaf jarah meta jilmħu. Għajjat qed isir bla qtugħ, iżda huwa bħar-riħ li jvenven kemm irid għal ftit tal-jiem mingħajr ma jirbaħ. Tassew jaħqar u, xi kultant, ibeżżgħa. Imma ma jegħlibx. Ma tgħaddix tiegħu.

Ma jegħlibx għax ma jilgħabx skont ir-regoli tal-logħob. Għax ma jurix qima lejn il-proċess demokratiku. Għax jagħmel bħat-tfal—it-tfal li jmexxuh—li jridu li tgħaddi tagħhom bid-dnewwa flok bis-sewwa. Dan ir-riħ qed ikarwat, iżda hu vojt daqs il-ħoss li qed jagħmel.

Tweġiba xierqa

Ir-ras bierda quddiem dat-theddid baħnan hu sinjal ta’ rispettabilità. Barra minn Malta, imqar fis-swali ta’ Brussell u f’inħawi oħra, dar-riħ sħun mhuwiex qed jimpressjona daqskemm iridu x-xewwiexa tiegħu. Barra minn Malta, imqar fis-swali ta’ Brussell u f’inħawi oħra, jafu tajjeb, għax għajnejhom f’wiċċhom, kemm ir-rieda tal-poplu Malti u Għawdxi għadha taħtar lil min ħatret darba darbtejn.

Dal-poplu hu sensittiv għat-tradituri. Il-kultura Mediterranja tagħna ma taċċettax it-tradiment, ukoll jekk hi lesta taċċetta ħafna u ħafna affarijiet. Imma t-tradiment le! U min iħammeġ ’il pajjiżna għall-iskopijiet imdardra tiegħu, biex forsi jikseb xi punt għar-rebħa finali (li qatt ma tasal), jitqies traditur; bniedem diżonorabbli; bniedem li ma jistħoqqlux la ġieħ u wisq anqas fiduċja.

It-tweġiba tar-ras bierda tingħata bil-fatti ta’ fedeltà li jibqgħu jintwerew lill-poplu tagħna. Mhemmx għalfejn ta’ ħafna għajjat, jew ta’ xi tgħajjir, jew ta’ xi ħalf; hemm bżonn biss tal-bżulija ta’ dejjem, tal-għaqal fix-xogħol, u ta’ rispett, bħalma dejjem sar, lejn is-saltna tad-dritt. U d-dritt jirbaħ.

Ċaħda monumentali

Madankollu, hu tassew ta’ niket li nibqgħu naraw Maltin li suppost ħalfu fedeltà lejn il-bandiera tagħna li jibqgħu jistinaw irjushom biex iħammġuha u jkasbruha. Dan mhuwiex il-mod kif ikunu l-irġiel u n-nisa! Għax huwa l-mod godard. Huwa l-mod li jaslu biss għalih l-immaturi u l-behiena.

Pajjiżna jixraqlu aħjar. Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqru aħjar mingħand dawk li jgħidu li jirrappreżentawh, speċjalment fis-swali tal-barranin. Dan il-poplu ma jixraqlux ’il min iħarref fuqu, jgħaġġibha u jfittex biss li jidħkulu x-xewwiexa sħabu. Le, dan il-poplu jixraqlu nies ta’ ġieħ.

Ilha għaddejja l-kampanja—iva, intenni, sistematika, organizzata, insidjuża, traditorja—li se tara biss sa mneħirha. Ħadd m’għandu jimpressjona ruħu biha. Anzi, għandu jaraha għal dak li hi: ħanqa ta’ ħmar. Is-sema magħluq għaliha.

Dal-pajjiż jeħtieġ oppożizzjoni ta’ stoffa; teħtieġha d-demokrazija; jeħtieġa s-saltna tad-dritt. X’ħasra li qed tiġi miċħuda għal baxxezzi puwerili li ma jtuqu lil ħadd. Hija ċaħda monumentali li biha qed tgħarraq l-ewwel u qabel kollox lil min qed jagħmilha.

Alla jilleberana minn dawn in-nies!


http://www.bdlbooks.com/maltese-history/6101-min-qatel-il-patri.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?