Il-Knisja ta’ bla Knisja

Ir-riżultati taċ-ċensiment li sar ftit tal-ġimgħat ilu fuq l-attendenza tal-quddies tal-Ħadd m’għandniex nistennew li joħorġu tant malajr. Madanakollu wieħed jista’ jobsor li għandu mnejn juri li din l-attendenza tkun, xi ftit jew wisq, madwar it-30% f’Malta u l-50% f’Għawdex. Ikunu xi jkunu, dawn ir-rati b’ebda mod ma jistgħu juru l-“Knisja t’Alla” kemm fiha nies. Dan għax il-“Knisja t’Alla” ma tistax tiġi identifikata mar-reliġjon. Il-“Knisja t’Alla”, magħmula minn nies li jqisu lilhom infushom imsieħba ma’ xi Knisja jew le, tmur lil hinn minn kull reliġjon.

Knisja bla fruntieri

Il-kelma semitika bil-Malti “knisja” tiġi mill-Grieg “ekklesia”, li, sa mill-anqas sitt sekli qabel Kristu, kienet tintuża biex tirreferi għall-ġabra tan-nies imsejħa flimkien biex jitkellmu u jiddeċiedu fuq affarijiet ta’ ġid komuni. L-Insara Għarab bdew jużaw il-kelma biex jirreferu għall-ġimgħat reliġjużi tagħhom sakemm, bil-mod il-mod, bdiet tirreferi għar-reliġjon tagħhom kollha kemm hi (il-“Knisja Nisranija”; wara maqsuma fi “Knejjes” differenti).

Meta ngħidu “Knisja t’Alla”, m’għandniex nifhmu li qed nirreferu għal xi reliġjon. Aktar għandna nifhmu li qed nirreferu għall-ġemgħa ta’ dawk kollha fid-dinja li, aktarx mingħajr irbit formali bejniethom, iħaddnu ċerti valuri spiritwali jew filosofiċi, u jħaddmuhom konkretament fil-ħajja tagħhom. Dawn in-nies jistgħu jkunu jemmnu f’Alla u jistgħu ma jkunux. Imma l-valuri mħaddma tagħhom jissejħu minn xi wħud, bħali, ‘divini’, jiġifieri li jsebbqu u jsebbħu l-kwalitajiet naturali tal-bniedem.

Bħalma l-“Knisja t’Alla” m’għandhiex reliġjon, lanqas m’għandha fruntieri, żminijiet, nazzjonalitajiet, ideoloġiji, passaporti, etniċijiet, ilwien ta’ ġilda, orjentamenti sesswali, etajiet, setet jew xi distintiv ieħor ta’ firda bejn il-bnedmin. Hi min-natura tagħha universali. L-“Alla” tagħha, għal min irid ipoġġiha hekk, hu l-Wieħed komuni għal kulħadd, għal kullimkien u ta’ dejjem.

Il-valuri tar-rispett sħiħ

Il-valuri ta’ din il-“Knisja t’Alla” huma dawk li jqimu d-dinjità ta’ kull bniedem f’għaqda waħda mal-ħolqien kollu. Huma valuri li jħaddnu l-aqwa u l-ogħla twemmin tal-ispiritwalitajiet u l-filosofiji li qatt kien hawn u li qatt ikun hawn fid-dinja, inkluż l-ideali etiċi u morali tagħhom.

Dal-valuri mhumiex xi kodiċi fantastiku ta’ aġir sopranaturali. Anzi, bil-kontra. Mhuma xejn għajr dawk l-aktar sempliċi: ir-rispett sħiħ lejn ħaddieħor u r-rispett sħiħ lejn il-ħolqien. Huma tabilħaqq sempliċi imma li tant nies tar-reliġjon, il-politika, il-kummerċ u l-hekk imsejjaħ ordni pubbliku nsew jew sfruttaw bil-kbir għall-interessi tagħhom; fuq kollox, biex jiżirgħu l-firda fl-umanità, li hi waħda komuni għal kulħadd.

Ħafna nies lanqas biss jafu li jagħmlu sehem minn dil-“Knisja t’Alla” filwaqt li jħaddnu u jħaddmu konkretament il-valuri tagħha. U lanqas m’għandhom għalfejn ikunu jafu. Għax mhuwiex x’wieħed jgħid li hu dak li hu importanti, imma x’wieħed jagħmel fil-konkret.

Knisja ta’ inklużjoni biss

Għandu mnejn li l-biċċa l-kbira tal-imsieħba ta’ dil-“Knisja t’Alla” ma jagħmlu sehem minn ebda Knisja, minn ebda reliġjon u minn ebda ideoloġija. Madanakollu, f’qalbhom u f’għemilhom għandhom xi ftit jew wisq, fil-limitazzjonijiet tagħhom, ir-rispett lejn ħaddieħor u lejn il-ħolqien. Dan hu li jgħodd. Hu dan li jagħmilhom “qaddisa”.

Ir-reliġjon waħda ta’ Alla, nistgħu ngħidu, hi l-ħolqien, u l-bniedem hu biss biċċa minnu; biċċa żgħira ħafna minnu. Alla m’għandux firdiet u ma jara ebda firdiet. Hu l-bniedem, bil-filosofiji, l-ideoloġiji u r-reliġjonijiet tiegħu li joħloq il-firdiet fejn mhemmx, u jehda bihom.

Il-bniedem tal-“Knisja t’Alla” jara bħal Alla: jara kull bniedem, u jara kull biċċa tal-ħolqien, bħala l-istess fil-mistħoqq tar-rispett u l-qima. Kull rispett bħal dan jagħti ġieħ lill-ħallieq u hu l-aqwa—u nistgħu nażżardaw inżidu wkoll: l-uniku—rispett li jista’ jingħata.

Int tista’ tkun eskluż minn kull ideoloġija, minn kull reliġjon, minn kull filosofija ... iżda mhux, jekk temmen u tipprattika r-rispett lejn ħaddieħor u lejn il-ħolqien, mill-“Knisja t’Alla”.

 Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt għal aktar tagħrif. Grazzi.
https://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/6320-jien-manwel-dimech-l-istorja-ta-hajti.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?