Sunday, 11 February 2018

L-ewwel ġenerazzjoni

Il-miġja fostna ta’ ħafna barranin, aktarx miġbuda minn impressjonijiet ta’ ħajja aħjar milli ħallew warajhom, għall-ewwel mhux dejjem intlaqgħet tajjeb minn bosta Maltin u Għawdxin, partikularment jekk dawk il-barranin kienu ta’ ġilda skura. Illum, wara madwar għoxrin sena li beda dal-fenomenu relattivament ġdid, jidher li s-sitwazzjoni tinsab xi ftit aħjar, ukoll għax, bħalma basru xi wħud, il-biżgħat li tqajmu fil-bidu spiċċaw biex sfumaw fix-xejn.

Fenomenu ġdid

Il-fenomenu tal-barranin fostna li rajna f’dawn l-aħħar, bejn wieħed u l-ieħor, għoxrin sena, partikularment mill-Afrika tan-Nofs, kien differenti ħafna minn dak ta’, ngħidu aħna, is-snin sebgħin, meta kellna miġjiet ta’ Libjani u xi ftit taċ-Ċiniżi. Dawn tal-aħħar kienu kważi inviżibbli, u l-oħrajn ma kinux nieqsa għal kollox mill-mezzi t’għajxien u lanqas il-bixra tagħhom ma kienet tant differenti minn tagħna.

Il-miġjiet dejjem jiżdiedu ta’ madwar għaxar snin wara, jiġifieri mal-għoxrin sena ilu, ma kinux bħal dawn. Il-bixra tal-barranin il-ġodda, bil-ġilda ferm skura tagħhom, qatgħu aktar, u ħafna drabi spiċċaw fostna b’ta’ fuqhom senduqhom. Ħafna minnhom telqu u mxew għal pajjiżi aktar ’il fuq, imma oħrajn baqgħu u bdew jadattaw għall-ħajja l-ġdida tagħhom fostna.

Dawn kienu l-ewwel ġenerazzjoni ta’ dal-fenomenu xi ftit jew wisq ġdid għalina. Kienet il-ġenerazzjoni li kontriha qamu u għaddbu xi wħud. Kienet il-ġenerazzjoni li kellha taqta’ bi snienha. Kienet il-ġenerazzjoni li ma setgħetx tintegra ruħha sewwa f’dis-soċjetà l-ġdida tagħha. Imma kienet il-ġenerazzjoni li baqgħet. L-ewwel ġenerazzjoni.

F’għoxrin sena

Dil-ġenerazzjoni għall-ewwel rajniha tgħix kif tista’, tqanqaċ kemm setgħet, titqanna b’kemm kemm tiddobba u tistabar b’kulma kien ta’ siwi għaliha. Kienet ġenerazzjoni li batiet, għax għeruq ma kellhiex; ġenerazzjoni li qagħdet għal kollox, għax ix-xi ħaġa kien aħjar mix-xejn; ġenerazzjoni ta’ tama rassenjata għal kulma l-ġejjieni kellu xi jrodd.

Dil-ġenerazzjoni ġiet bit-tfal iż-żgħar li llum diġà kibru ġmielhom; tfal li għadhom parti mill-ewwel ġenerazzjoni. Għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-tfal―illum ġuvintur u tfajliet―xorta waħda għadhom ma jistgħux jintegraw wisq mal-għaġna tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalkemm jgħixu magħna―ukoll f’Għawdex, fejn għall-ewwel ma setgħux joqogħdu―xorta waħda għadna narawhom iżommu xi ftit jew wisq għalihom.

Minkejja dan, f’dawn is-snin rajnihom ukoll jirbħu, kważi bil-ħila tagħhom biss, l-iżvantaġġi kbar li kienu bdew bihom mal-għoxrin sena ilu. L-għaqal tagħhom, naturali daqskemm imġiegħel, kabbar risqhom u issa jistgħu jgħixu ħajja aktar komda, aktar żgura, aktar dinjituża u aktar hienja.

It-tieni ġenerazzjoni

It-tieni ġenerazzjoni għandha tkun ferm differenti minn din. It-tfal ta’ dawk it-tfal żgħar li ġew mal-familji tagħhom mal-għoxrin sena ilu, għalkemm illum għadhom trabi u ċkejkna wisq, għad isibuha ħafna eħfef li jintegraw u jkun aktar parti mill-poplu Malti u Għawdxi. Dit-tieni ġenerazzjoni, li s’issa għadha ma tidhirx wisq, għad tibda toħroġ is-sabiħ li dan-nies ġabu magħhom u li l-ġenerazzjoni ta’ qabilhom ma setgħetx turi fid-deher.

Huwa bit-tieni ġenerazzjoni, mhux bl-ewwel waħda, li se nkunu nistgħu nqisu u napprezzaw sew il-barka tal-imigrazzjoni li xi wħud tant twerwru biha. U mhux biss it-tieni ġenerazzjoni tan-nies li ġew mill-Afrika tan-Nofs, imma wkoll tan-nies li ġew hawnhekk mill-Asja, tal-qrib u l-imbiegħda, u mill-Ewropa tal-Lvant. Għalissa għadna ma nistgħux naraw is-sabiħ li ġabu magħhom dan-nies. Imma għad narawh b’ulied uliedhom.

Il-popli kollha tad-dinja dejjem kienu magħmulin mit-taħrik ta’ nies. Il-bniedem qatt ma waqaf jitħarrek, ukoll jekk l-impressjoni ġenerali kienet li kull poplu hu magħmul fih innifsu u xejn ma jiżdied jew jitnaqqas minnu. Das-sens soċjali statiku kien falz għax injora l-bidliet, kbar jew żgħar, li dejjem―dejjem―biddel u għaġen is-soċjetajiet mill-qiegħ.

Il-bidla tibqa’ sejra

Il-fenomenu tal-imigrazzjoni li beda madwar għoxrin sena ilu ’l hawn għadu frisk wisq biex juri l-benna tiegħu. Xi wħud għadhom sal-lum jibżgħu minnu u jixtiequ li jreġġgħuh lura. Oħrajn draw jaċċettawh u jifhmu li mhuwiex ta’ theddida kif kien maħsub u mwebbel. Aktarx ftit huma dawk li japprezzawh u huma ferħana bih. Imma dan kollu għad jinbidel ... u diġà beda jinbidel.

Illum hu gost għal xi wħud minna li naraw, jekk ikollna l-opportunità, it-tfal ta’ dawk l-ewwel emigranti jgħixu ħajja aktar serena u dinjituża minn dik tal-ewwel snin iebsa tal-ġenituri u l-familjari tagħhom. Hu gost għal xi wħud minna li naraw li l-adattazzjoni soċjali qiegħda, minkejja kollox, tifrex is-sigurtà tagħha. Għada pitgħada jkun ukoll gost li naraw it-tfal tat-tfal ta’ din l-ewwel ġenerazzjoni tintegra ruħha b’faċilità u b’nuqqas ta’ tensjoni.

Dan għandu jkompli jibdel bil-mod il-poplu Malti u Għawdxi ... l-istess bħalma dejjem imbidel fl-imgħoddi u jibqa’ jinbidel għal dejjem. Bħal kull poplu ieħor fid-dinja, il-poplu tagħna mhuwiex xi fossila indifferenti għaż-żmien jew iċ-ċirkustanzi. Huwa poplu ħaj li jinbidel u miegħu, bħalma sar dejjem u jibqa’ jsir dejjem, jinbidlu d-drawwiet tiegħu.

Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt għal aktar tagħrif. Grazzi.
 
https://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/4545-dimech.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever