Erġajna koppi!

Il-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex reġgħet qed tiskjera ruħha kontra l-minoranzi tas-soċjetà. Ma titgħallem qatt! Ibda mill-kwistjoni ma’ Strickland bejn l-1928 u l-1932, għaddi għar-riformi ta’ Boffa biex jidħlu t-taxxa fuq il-qligħ u l-vot tan-nisa, kompli bir-referenda tal-Integration u l-Indipendenza, u spiċċa bir-referendum fuq id-divorzju u bil-liġi tas-sħubijiet ċivili, l-istorja baqgħet tirrepeti u tirrepeti u tirrepeti u tirrepeti ruħha mingħajr qtugħ. Knisja reazzjonarja. Knisja li tidher skjerata kontra ż-żgħir. Knisja magħluqa fil-bużżieqa ta’ moħħha. Wara kollox, ... Knisja li tibqa’ deċiża li tispara f’saqajha.

Il-problema

Issa waslet id-daqqa fuq il-kwistjoni tal-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun. Erġajna bdejna naraw l-isteriżmi. Erġajna bdejna nisimgħu l-argumenti sempliċisti. Erġajna bdejna naraw il-kruċjati. Erġajna bdejna nisimgħu bix-xenarji apokalittiċi. Erġajna bdejna naraw ... insomma ... erġajna bdejna naraw il-vavati ta’ dejjem.

Il-problema tiegħi mhijiex fl-argumenti li qed isiru, biex inkunu ċari. Hawnhekk m’iniex niddefendi l-emendi proposti mill-gvern tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun. Lanqas ma jien neħodha kontra l-kritika tal-Isqfijiet ta’ Malta u t’Għawdex jew dik tal-gruppi filokattoliċi. Il-problema tiegħi hi purament ta’ strateġija.

Pura u ċara: l-istrateġija li tidher qed tiskjera l-Knisja Kattolika ta’ dawn il-gżejjer kontra d-drittijiet ta’ xi minoranza—f’dan il-każ, f’rabta mad-donaturi taċ-ċelloli għat-tnissil, il-maternità surrogata u l-iffriżar tal-embrijuni—hija kontraproduċenti. Strateġija bħal din tkompli tinforza l-perċezzjoni, ġusta jew le, tal-Knisja bħala waħda retrograda, irrazzjonali, intolleranti, instransiġenti u insensittiva.

L-impressjonijiet

X’issib min jgħidlek? Issib min jgħidlek li l-isteriżmi, is-sempliċiżmi, il-kruċjati, l-apokalittiżmi u l-vavati mhumiex parti mill-istrateġija tal-Knisja. Mitt darba u elf. Allaħares kienu! ... Imma hekk jidhru. Għalhekk hi kwistjoni ta’ strateġija. Ħalli s-sitwazzjoni ma taħrablekx minn idejk ... kif diġà ħarbet.

Ħarsa ħafifa lejn il-manifestazzjoni li saret il-Ħadd li għadda—b’sorijiet, b’saċerdoti bil-kullar, b’isqfijiet jiċċaċċru u b’kartelluni prefabbrikati u b’għadd ta’ nies (minbarra tfal) li ma jifhmux akka f’kwistjonijiet tant delikati bħal dawn—malajr tintebaħ li l-karru diġà qabeż liż-żiemel u beda jkaxkru warajh.

L-istrateġija ta’ kampanja mhijiex magħmula biss minn dak li l-istratega jitwebbel li jagħmel. Hi magħmula wkoll—għandu mnejn ħafna u ħafna aktar—minn dak li ħaddieħor jifhem li l-istratega qed jagħmel. U ħaddieħor x’impressjoni seta’ jieħu minn tal-Ħadd li għadda? X’impressjoni seta’ jieħu dil-ġimgħa minn Għawdex? X’impressjoni seta’ jieħu dil-ġimgħa fuq l-Internet, fejn kellek lil kulħadd itaqtaq bl-addoċċ? X’taħseb li kienet l-impressjoni li seta’ jieħu fil-kuntest lokali—lat essenzjali f’kull strateġija—ta’ kważi seklu ta’ reazzjoniżmu klerikali u ekkleżjastiku?

L-umiljazzjonijiet

Ngħidlek jien x’impressjoni seta’ ħa: impressjoni ta’ Knisja Kattolika li hi, għal darba oħra, għall-elf darb’oħra, retrograda, irrazzjonali, intolleranti, instransiġenti u insensittiva! Mil-lat purament strateġiku, m’għandu x’jaqsam xejn din hijiex impressjoni tajba jew le; m’għandu x’jaqsam xejn qabadx l-irquqijiet tal-argumentazzjoni jew le; m’għandu x’jaqsam xejn fehemx il-kwistjoni jew le. Tgħodd biss il-perċezzjoni. U f’dal-każ hija pessma.

Dan għamel, qed jagħmel u se jibqa’ jagħmel ħsara kbira lill-Knisja nnifisha. B’dan il-mod, qed teqred lilha nnifisha; qed teqred ir-relevanza tagħha f’dawn il-gżejjer; qed tiġi mwarrba dejjem u dejjem aktar. Kemm dan hu tajjeb, hu diskutibbli. Ibqa’ l-fatt li din l-istituzzjoni venerabbli qed tagħmel, donnha apposta, lilha nnifisha vulnerabbli dejjem aktar.

Imma għandu mnejn għadu mhuwiex tard, għall-anqas din id-darba, li l-affarijiet jitranġaw xi ftit. Xejn xejn, neħilsu ftit mill-umiljazzjoni li l-paroli fil-vojt u l-istupitaġnijiet iġegħluna nġarrbu għalxejn.

Dan l-artiklu xxandar f'It-Torċa fis-6 ta' Mejju tal-2018
Ara wkoll (bl-Ingliż): What strategy is there?


https://www.bdlbooks.com/novels-and-romance-fiction/6706-il-kappillan-ta-malta.html

Comments

  1. Kumment qasir, proset father! Mhux li kien ikollna hafna iktar li verament ihobbu l-knisja bhalek!

    ReplyDelete
  2. Knisja li dejjem kienet marbuta mal-Partit Nazzjonalista u li dejjem kienet kontra l-Partit Laburista u kull partit ieħor li ried il-progress f'Malta biex il-poplu Malti joħroġ mill-injoranza li dejjem riedu jżommuh fiha.

    Knisja li min ma kienx jimxi md-dittatura tal-Kurja mimlija b'MAFJA Nazzjonalista jagħmlu minn kollox biex ifarrkuh.

    Mhux qed ngħid għall-politiċi, imma għal qassisin li kienu onesti u ġusti bħal Mons Pietru Pawl Saydon, Dun Pawl li kien iqarar u jagħti assoluzzjoni lill-Laburisti, qassisin u patrijiet oħra, lill-oħt il-Perit Duminku Mintoff li għamlula ħajjitha infern għax kienet oħtu, lilek stess għax ma jħossuhomx komdi bil-kritika tiegħek, lill-Mons Pawlu Cremona l-iktar Isqof maħbub li qatt kellna li għamlu konġura kontra tiegħu il-MAFJA tal-Kurja u lil kull min ma joqgħodx għall-ordnijiet dittatorjali tal-MAFJA Nazzjonalista fil-Kurja.

    Kuraġġ Mark għax il-poplu jaf min qiegħed jgħid is-sewwa u jinsab warajk mhux wara Charlie ĠUDA li qiegħed ikomplu jiżra l-firda fost il-poplu Malti bħal ma dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Partit Progressiv kontra t-Tagħlim tal-Knisja u ta' Kristu...min irid jitlaq jitlaq...min irid jibni knisja għalih jagħmel li jrid...Patri Mark qed tgħidilna nbiegħu il-prinċipji u l-valuri biex ma jitilqux in-nies. M'għandekx ċans li nħallu li dan iseħħ...u aħna l-Kattoliċi qegħdin f'minoranza.

      Delete
  3. Ghaziza Patri Mark,
    Forsi tixtieq issir Isqof inti? U tmexxi ghal modo tuo? Apparti mill Knisja Kattolika ghax ma tistax timxi differenti mit taghlim ta l Isqof li Wed iwassal bhalissa jekk int trid timxi wara Gesu Kristu kif suppost miexi int peress li patri. Taf li jrid ikollok umilta u ubidjenza (aktar peress li inti patri) u m ghandek x mit tnejn. Qed ixxewwex. Qed issahhan l imhuh. L Isqof, bhala taghha, irid jghallem u mhux ghax izomm mal PN. Dan x bazwi hu minn naha tieghek? Charlie Guida? Kurja Mafia u PN? Jaqaw irrabjata ghax ma tellghulx grad? Iktar ma tkun gholi aktar trid tkun umli u ubbidjenti u inti rebelljoni ghandek! Fejn hu l Ispirtu ta Kristu go fik? Dejjem tieghek Tessie

    ReplyDelete
  4. Teresa Patri Mark huwa bniedem li jimxi wara Kristu maz-zmienijiet tal-lum b'mohh miftuh u mhux maghluq ghal-kollox. Patri li ma jmurx ibezza t-tfal li l-gvern sejjer joqtol lil-babies, li ma johrog jghajjar lil-poplu li hu "f'borma taghli" bhal ma ghamel dak l-injorant qassis Ghawdxi. Patri Mark huwa bniedem li jrid jghix il-hajja ta Kristu fir-rejalta tal-lum u jixtieq li l-knisja taghmel hekk halli ma tibqax titled u tbieghed nies mill-knejjes! Dan hu l-izball kardinali tal-arcisqof u kolleggi mdawrin mieghu li qeghdin iharsu lejn il-problemi tal-lum b'partegjanizmu sfrenat biex jaghqdu l-agenda tal-PN.

    ReplyDelete
  5. Patri Mark ma hemm xejn isteriku li l-knisja tiddefendi l-vulnerabbli. Ejja nghiduha kif inhi - it-tlett t-trabi li se jibqghu iffrizati jew jispiccaw ghand l-omm u missier mhux naturali taghhom ha itihom risposta int kif jibdew jistaqsu il mistoqsijiet u l-ligi mhux ha thalllihom jiehdu risposti ghal kuntrarju tal-mekkanismi li jezistu illum permezz tal-adozzjoni. Irrespittavament mit-taghlim tal-knisja li int carament tigi titmejjel minnu din hija dilemma morali li ma tridha fuq hadd.

    A skapitu tal-poltika li int mghomi biha poggejtha qabel it-taghlim kristu. Huwa int li bieghejt ruhek u li ma taghmilx la dehen lilek u aqqas id-dover li int suppost li qed taqdi.

    Ikber. U ejja f'sensik. Jekk le nehhi il-kullar u flokha aqbad il-bandiera politika li trid u xejjirha la hi iktar importanti ghalik. Tghalim t' kristu wiehed hemm u int taf x'inhu.

    ReplyDelete
    Replies
    1. My friend, minghajr IVF veru ma jkunx hemm tlett embrijuni (mhux trabi !!) iffrizati - imma ikun hemm zewg trabi ohra ta veru li minghajr IVF kieku ma kienux se jezistu. U il-Knisja ghalxejn iggib l-iskuza tal iffrizar tal-embrijuni (li naqbel maghha li m'ghandhom qatt jigu distrutti) ghax il-Knisja hija kontra l-IVF anke jekk ma jkunx hemm iffrizar ta embrijuni. Kif hi proposta il-ligi kull embrijun, anki dawk frizati, irid jinghatalhom ic-cans li jizviluppaw f'tarbija, jigifieri l-iskop huwa ghal aktar hajja khuwiex kontra il-hajja.

      Delete
  6. mistoqsija wahda ghandi ghalik, tista tghidli x'qed taghmel sacerdot? Qatta bla habel kontra l-Knisja. Jmissek tisthi, flok taghmel xi haga ta gid kif suppost qieghed taghmel.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?