L-aġendi politiċi

Jeżisti f’din l-art ċkejkna kulmin għandu aġenda politika. Kull min jgħaddi ħinu impenjat biex sempliċiment jgħix ħajtu, bħallikieku ma jeżistix. Min-naħa l-oħra, kull min għandu xi impenn li b’xi mod jinvolvi l-pubbliku, hu ta’ xiex inhu dak l-impenn, irid ikollu—u għandu—aġenda politika.

Il-partiġġjaniżmu

Għalkemm il-kelma ‘politika’ mhux suppost timplika dejjem tmexxija governattiva, donnha f’din l-art ċkejkna hekk timplika dejjem. Il-kelma ‘politika’ tiġi mill-Grieg ‘polis’, li tfisser ‘belt’, u tindika r-relazzjonijiet pubbliċi ta’ kull ċittadin. Il-politika, infatti, hija l-applikazzjoni tal-bon sens fir-relazzjonijiet ma’ ħaddieħor ta’ kull wieħed u waħda minnha.

Il-vulnerabbiltà ta’ kull ċittadin u ċittadina f’Malta u Għawdex iġġegħilna naraw dawn ir-relazzjonijiet minn perspettiva partiġġjana. Għax artna żgħira fil-qies u n-nies magħrufa, inħossuna l-ħin kollu priża ħafifa għall-kapriċċi tal-politiċi u l-klijentela tagħhom. Għaldaqstant, ħafna jiġu mġiegħla jilagħbu l-logħba tagħhom.

Għall-biċċa l-kbira minna jidher li ‘politika’ tfisser dejjem b’xi mod ‘gvern’ u, agħar minn hekk, ‘partiġġjaniżmu’. Min ma jilgħabx din il-logħba tal-imħuħ żgħar jissogra li lanqas biss jiġi kkalkulat bħala ċittadin.

Il-bon sens

Kull min għandu xi ħidma li b’xi mod tinvolvi l-pubbliku jilgħab il-logħba politika partiġġjana u, għalhekk, għandu aġenda politika li tmur magħha. Nies fil-kummerċ, artisti, organizzaturi ta’ attivitajiet pubbliċi, għalliema, professjonisti u l-bqija ħafna drabi jsibu li ma jistgħux jirreżistu din il-ġibda. Xi wħud jintelqu għaliha b’aktar entużjażmu milli wieħed jistenna minnhom.

Il-politika fiha nnifisha mhijiex ħażina. Anzi. Li wieħed jew waħda jħarrġu l-bon sens tagħhom fir-relazzjonijiet pubbliċi tagħhom hija meħtieġa u tista’ wkoll tkun sabiħa. Iżda l-partiġġjaniżmu politiku, mhux biss huwa ħażin, iżda jnawwar l-istess relazzjonijiet pubbliċi tagħna bħala ċittadini.

Dan għax il-partiġġjaniżmu, bl-aġendi tiegħu, jibbaża ruħu fuq il-firda u mhux il-kooperazzoni u l-ftehim. M’għandu xejn x’jaqsam mal-bon sens. Anzi, bil-kontra: inaqqsu u saħansitra jista’ jeqirdu. Il-bnedmin jagħmluha ma’ xulxin għall-kuntenizza ta’ kulħadd, mhux biex idejqu lil xulxin jew jagħmlu l-ħajja ta’ xulxin infern.

L-‘innoċenti’

L-aġendi politiċi li ssib f’kull ħaġa pubblika li ssir f’Malta u Għawdex, kemm fuq il-livel tar-relazzjonijiet ta’ bejn l-individwi kif ukoll fuq il-livell ta’ bejn il-qaddejja pubbliċi u ċ-ċittadini, jimminaw il-ħbiberiji u fl-aħħar mill-aħħar irażżnu l-kooperazzjoni. Dan għax aġendi bħal dawn fl-aħħar mill-aħħar mhumiex onesti. Xogħolhom hu li jiġbdu lejhom. Dejjem.

L-agħar huma xi nies pubbliċi li jilgħabuha li aġenda politika partiġġjana m’għandhomx. Jippreżentaw lilhom infushom bħallikieku huma l-aktar nies newtrali u politikament innoċenti tad-dinja. Ebda politika, fil-fatt, ma tista’ tkun newtrali. Għax minnha nnifisha hi xi ftit jew wisq manipulazzjoni—mhux bilfors fis-sens ħażin—tas-sitwazzjonijiet li jinqalgħu fir-relazzjonijiet mal-oħrajn.

In-nies ‘politikament innoċenti’ huma l-aktar perikolużi. Għax il-manipulazzjoni tagħhom—f’sens ħażin, din id-darba—hi l-aktar insidjuża u fina. Il-ħabi tagħhom hu aġenda fih innifsu ... li spiss ifisser sfruttament ta’ ħaddieħor u d-dgħufijiet tiegħu.

L-ogħla valuri

Ħadd minna ma jista’ jevita li jkun politiku għax kull wieħed u waħda minna rridu nagħmluha ma’ ħaddieħor. Imma nistgħu, iva, ma nkunux partiġġjani. Din hi għażla tagħna, ukoll jekk bosta drabi tkun waħda diffiċli ħafna. Id-diffiċli, però, mhuwiex impossibbli.

Jidhirli li l-kooperazzjoni u l-ftehim—mhux il-partiġġjaniżmu—għandhom ikunu l-ogħla valuri li nfittxu fil-politika tagħna ta’ kull tip. Huwa b’dawn li nistgħu nibnu soċjetà aħjar u dinja isbaħ.


No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever