Opri t’arti

Meta nitkellmu fuq opri t’arti, ħafna minna jaħsbu fil-pitturi u l-iskulturi famużi li jżejnu l-mużewijiet u l-knejjes tagħna. Ftit minna aktarx jistgħu jiftaħru li għandhom opra t’arti d-dar biex jitgħaxxqu biha. L-opri t’arti huma għaljin wisq u rari wisq biex iżejnu l-biċċa l-kbira ta’ djarna. Madanakollu, opri t’arti jista’ jkollok id-dar int ukoll. Mhux f’għamla ta’ pitturi jew skulturi, iżda f’għamla oħra li, għalkemm prezzjuża, mhijiex daqshekk għalja.

Stedina għalik

Il-kotba jistgħu jkunu opra t’arti wkoll. Il-letteratura tad-dinja, flimkien ma’ dik Maltija, hija miżgħuda bihom. Għax x’inhi opra t’arti jekk mhux xogħol kreattiv b’sura immaġinattiva u estetika qawwija? Opra t’arti għalija hija att ta’ libertà perfetta. Nista’ ngħid ukoll: att perfett t’imħabba. Li hija l-istess ħaġa. L-art ħallieq t’opra t’arti huwa bniedem li mar lil hinn minn dak li jxekkillu moħħu u qalbu, u ħalla ’l ruħu ħielsa titkellem għaliha.

Nhar il-Ġimgħa, 20 t’April, 2018, se joħorġu għall-pubbliku żewġ opri t’arti f’waħda. Ktieb miktub minn Ingliż magħruf fil-letteratura u maqlub għall-Malti minn kittieb ieħor ta’ ħila. Il-ktieb jismu Il-Kappillan ta’ Malta. Kitbu Nicholas Monsarrat u qalbu għall-Malti Wistin Born, l-awtur tar-rumanz sabiħ Is-Salib tal-Fidda. Jien, bħala editur, ħadt ħsieb li nħejji dal-ktieb għall-pubbliku.

Il-ħruġ tal-ktieb se jsir f’Palazzo De La Salle, Triq ir-Repubblika, il-Belt, ftit kantunieri ’l isfel mill-pjazza tal-palazz tal-granmastri (il-Mainguard). Is-serata tibda fis-7.30 ta’ filgħaxija. Fiha se jkun hemm siltiet drammatizzata ta’ dal-ktieb sabiħ.

Manuskritt minsi

Dal-ktieb, Il-Kappillan ta’ Malta, hu rumanz ambjentat fi żmien l-agħar sentejn tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta u Għawdex. Monsarrat kitbu fl-1972/73 u ħarġu għall-pubbliku fi tmiem daż-żmien. Ftit xhur wara, bil-permess tal-awtur, Wistin Born qalbu għall-Malti biex jinqara minn Charles Arrigo fuq ir-Rediffusion. Ir-rumanz inqara fl-aħħar xhur tal-1974 u l-bidu tal-1975.

Din hi l-ewwel darba li dar-rumanz qiegħed jiġu ppubblikat bil-Malti. Il-manuskritt ta’ Wistin Born baqa’ msakkar f’arkivju għal madwar ħamsin sena u kważi nsieh kulħadd. Issa, wara daż-żmien kollu, is-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) u jien qtajniha li nippubblikawh għax il-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu li din l-opra t’arti tkun f’idejh u f’daru.

Fiż-żmien li fih kiteb ir-rumanz, Monsarrat kien jgħix Għawdex, fir-raħal ta’ San Lawrenz. Kien irtirat hawnhekk wara ħajja ta’ tbaħħir. Hu kien minn Liverpool, l-Ingilterra, u l-baħar kien jiġġennen għalih. Fit-Tieni Gwerra Dinjija kien uffiċjal baħri fil-Baħar Attlantiku, u ħa sehem f’xi wħud mill-battalji l-kbar li saru hemmhekk tul il-gwerra.

Storja Maltija

Għalkemm jirrakkonta l-esperjenzi ta’ qassis li ħadem qrib in-nies tal-Kottonera waqt il-gwerra, ir-rumanz hu aktar fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu. Fl-istorja sabiħa u mqanqla li jirrakkonta, kif ukoll fit-tifkiriet storiċi li jdaħħal għal għonq il-ktieb mill-istorja tal-Gżejjer Maltin, ir-rumanz ifisser bil-mod tiegħu l-qlubija li dejjem wera l-poplu tagħna matul iż-żminijiet.

Il-messaġġ ewlieni li dar-rumanz jibqa’ jagħti għadu jgħodd għal kulħadd sal-lum. Hu jagħti l-qalb lil min hu mħabbat mill-inkwiet u l-hemm tal-ħajja; jgħolli l-qalb ta’ min hu mgħaffeġ minn xi xorti ħażina li messitu; ifarraġ il-moħħ ta’ min ħsiebu ttiekel minn ħsibijiet koroh ta’ dwejjaq u twegħir. Din l-opra t’arti ssabbar ir-ruħ għajjiena u ddewwi l-qalb maqsuma.

Barra dan kollu, is-sbuħija tal-kelma Maltija, minsuġa mill-pinna u s-sengħa ta’ Wistin Born, hi għaxqa. It-traduzzjoni tiegħu hi opra t’arti għaliha nnifisha li ftit hawn min jaf jagħmlu bħalha. Il-kitba mexxejja tar-rumanz hi mgħejjuna mill-għażla tal-kelma u mix-xeħta waħdanija li jingħataw — affarijiet li Born biss jaf joħloq.

Għas-serata ta’ nhar il-Ġimgħa hu mistieden kulħadd. Id-dħul huwa bla ħlas, u wara jkun hemm riċeviment ċkejken. Tonqosx!

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?