Sunday, 5 August 2018

Il-ħalib tan-nagħaġ

Darba Gandhi wasal fi stazzjon bil-ferrovija biex ikellem lin-nies tal-inħawi. Kif niżel, ġew il-pulizija Ingliżi fuqu u staqsewh: “Fuqhiex se jkun id-diskors tiegħek?” Weġibhom: “Fuq il-ħalib tan-nagħaġ”. Qalulu: “Mela tista’ toqgħod”. Imma Gandhi komplielhom: “... u se ngħid kemm hu meħtieġ għal kulmin jieħu sehem fir-reżistenza passiva tan-nonvjolenza kontra l-gvern kolonjali”. Il-pulizija arrestawh fuq il-post.

Il-fatti

Min qatt—għajr xi Gandhi—seta’ jaħseb li l-ħalib tan-nagħaġ seta’ kien biċċa għodda politika? Għal moħħ bħal ta’ Gandhi, xejn ma hu nieqes mis-siwi politiku. Għal moħħ bħal tal-kolonjalisti, xejn ma hu nieqes mis-siwi perikoluż tad-dissidenzja. Iżda hija d-dissidenzja—jiġifieri d-diżapprovazzjoni għall-qerq u t-tgħawwiġ uffiċjali tal-kbarat—li tagħti l-ħajja lill-għajxien politiku.

Ma jistax ikollok politika fejn kulħadd jaqbel—jew taparsi jaqbel—ma’ kollox; fejn ħadd ma jaħseb b’rasu imma b’ras dawk li għandhom is-setgħa f’idejhom; fejn kulħadd ibaxxi rasu għal kollox; fejn għandek merħla flok individwi b’kuxjenza. Din mhux politika tkun, imma paljaċċata. Soċjetà b’din l-attitudni hi waħda marida li titnawwar minn ġewwa.

L-azzjonijiet huma l-wiċċ tal-ħsieb. Daqskemm l-azzjonijiet konkreti—mhux il-ħsieb jew il-paroli—juru l-bniedem x’inhu, hekk il-ħsieb huwa l-wiċċ tal-kuxjenza. Il-kuxjenza hi l-isem ta’ dik is-sengħa f’kull bniedem li biha jagħraf it-tajjeb mill-ħażin.

Il-kuxjenza

Għal kull bniedem ta’ kuxjenza il-ħażen jinsab fin-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja, tiegħu nnifsu daqskemm ta’ ħaddieħor. Mhux għall-ħajja tiegħu nnifsu askapitu ta’ dik ta’ ħaddieħor; lanqas għall-ħajja ta’ ħaddieħor askapitu ta’ dik tiegħu nnifsu. Imma tat-tnejn flimkien. U aktar minn hekk ukoll: rispett lejn il-ħajja kollha, ta’ kull ħlejqa u tad-dinja nnifisha.

Bniedem għandu jkun dejjem fidil lejn il-kuxjenza tiegħu, mhux lejn il-politika, hi ta’ liema ideoloġija hi. Bniedem li jċedi l-kuxjenza tiegħu għall-politika hu bniedem li ddeċieda li ma jkollux aktar rispett, la lejh innifsu u lanqas lejn ħaddieħor, imma biss lejn ir-riħ tal-mument. Bniedem bla bandiera isir hu stess bandiera li tixxejjer ma’ kull riħ.

Id-dissidenza hi servizz lill-umanità għax tibqa’ ċċaħħal lill-politika milli ssir paljaċċata fejn, filwaqt li kulħadd iliġġem il-ilsienu biex ma jagħlix, iraqqad ukoll moħħ biex il-kuxjenza ma tniggżux. Sakemm bniedem jibqa’ jaf jgħid ‘le’, għadu ħaj minn ġewwa; meta jintreħa għall-‘iva’, u ‘iva’ biss, ikun ċeda l-armi u ntelaq għall-ħakma ta’ ħaddieħor.

Id-diversità

Id-dinja hi sabiħa minħabba d-diversità, kemm fid-drawwiet daqskemm fil-ħsieb. Politika denja ta’ isimha tħeġġeġ id-diversità u taħdem biex tkabbarha. Mhemmx għaqda tassew meta kulħadd hu ta’ lewn wieħed jew idoqq l-istess diska. Din hi għaqda taparsi ta’ fuq il-wiċċ biss. L-għaqda tassew teżisti meta, minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, nikkomplimentaw lil xulxin.

Għaqda b’saħħitha tal-bnedmin hi biss waħda msejsa fuq ir-rispett ta’ kull wieħed u waħda mill-imsieħba tagħha; u r-rispett ifisser ħelsien tal-ħsieb u l-għemil. Tissejjaħ ‘għaqda’ għax l-iskop hu wieħed: li lkoll inkunu hienja fl-għajxien ta’ ħajjitna.

Kulħadd għandu jitħalla ħieles li jagħżel liema ħalib irid—hux tan-nagħġa, tal-mogħża, tal-baqra, tal-ħmara jew tal-ġemel—u jista’ jagħżel li ma jixrob xejn ukoll, jew jixrob xi ħaġa oħra. U jitħalla wkoll jitkellem fuq l-għażla tiegħu. Imma li kulħadd irid jeħel mal-istess għajn għax hekk għoġob lil xi ħadd hu għajb għall-isem ta’ bniedem.


https://bdlbooks.com/product/maltas-philosophy-philosophers/

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever