Il-maskra ta’ Momu

Momu kien l-isem li fil-mitoloija tagħhom il-Griegi tal-qedem taw liċ-ċensura, li kienet dejjem marbuta mal-kritika inġusta. Imma l-inġust minn dejjem ġie definit minn min jippreżumi li jaf x’inhu l-ġust, u l-ġust minn dejjem ġie definit minn min għandu s-setgħa tal-kelma u l-espressjoni. Għaldaqstant, Momu ma kienx jinġieb mill-allat minħabba lsienu. Momu ma kienx jemmen f’maskri, la ma’ wiċċu u lanqas ma’ wiċċ ħaddieħor.

Maskri mneħħija

Il-mitoloġija hija għamla ta’ diskors. Jissejħu allat dawk il-kwalitajiet li l-bniedem għaraf madwaru u fih innifsu. Lil dawn tahom wiċċ biex jitħaddet fuqhom b’aktar faċilità u kunfidenza. Sawwarhom f’allat minħabba li l-bniedem żammhom bħala xi ħaġa ’l barra minnu għalkemm kien jaf tajjeb li ma kinux. Il-mitoloġija hi għamla ta’ diskors li ddur dawra mal-bniedem bil-kwalitajiet sbieħ u koroh tiegħu.

Fost l-istejjer marbuta ma’ Momu hemm waħda ħelwa. Darba waħda, dan Momu ġie mitlub jgħid x’jaħseb fuq il-ħlejjaq ta’ Żew, l-alla tal-allat, t’Atena, l-alla tal-għerf, u ta’ Promitew, l-alla tal-għaqal. Żew kien ħoloq bniedem, Atena kienet ħoloq dar u Promitew kien ħoloq barri. Momu kkritikhom it-tlieta.

Qal l-bniedem ta’ Żew kien imissu għandu moħħu barra l-kranju ħalli kulħadd jara x’inhu jaħseb tassew u ma joqgħodx jaħbi jew jigdeb. Qal li d-dar t’Atena kien imissha għandha r-roti ħalli titmexxa b’ħeffa u ma tagħmel imkien pussess tagħha. Qal li l-barri ta’ Promitew kien imissu għandu għajnejh fuq qrunu ħalli jara aħjar lil min u ’l xiex qed jattakka u joqgħod farka lura.

Din il-kritika kollha m’għoġbotx lill-allat (naturalment) u keċċewh ’il barra minn Olimpu, il-muntanja ta’ darhom, biex darb’oħra jagħraf iliġġem ilsienu; jitgħallem jilbes maskra.

Maskri ġodda

Iċ-ċensura minn dejjem kienet l-aqwa arma tal-kontroll, l-oppressjoni u l-manipulazzjoni. Il-ħakma ta’ bniedem fuq ieħor qatt ma kienet possibbli mingħajr iċ-ċensura. Il-pussess fuq it-tagħrif minn dejjem kien għodda qawwija tas-setgħa. Biċ-ċensura ma kienx tkun possibbli l-mixja tal-bniedem lejn soċjetà ta’ rispett u opportunitajiet miftuħa għal kulħadd.

Iċ-ċensura mhux dejjem tkun ovvja. F’kull soċjetà għandek għamliet ta’ pressjoni―magħmula minn drawwiet, liġijiet mhux miktuba, twemmin, il-moda u l-bqija―li jġiegħlu lin-nies jiċċensuraw lilhom infushom mingħajr ħadd ma jġegħilhom direttament. Il-midja tintuża ħafna għal dan ix-xogħol biex tinfluwenza lin-nies u ġġegħilhom jaħsbu kif irid ħaddieħor.

Barra minn hekk, kull bniedem jiċċensura lilu nnifsu jieħu edukazzjoni li tibdlu ħalla ma jinbagħadx minn ħaddieħor. Dan nagħmluh ilkoll kemm aħna hekk kif nitilqu t-tfulija u nsiru aktar konxji tal-għajxien li rridu nagħmlu ma’ ħaddieħor.

Maskri ta’ jasar

Il-maskri taċ-ċensura jieħdu ħafna għamliet. L-agħar fosthom huma dawk moħbija, li ma jarahom ħadd, li ma jitqegħdux fi kliem, li ma jiġux iddikjarati, li ma jsemmihom ħadd. Huma maskri li jliġġnu l-kritika, l-espressjoni ħielsa, ix-xandir ta’ ideat ġodda, u jinkoraġġixxu l-wiċċ b’ieħor, ir-rispett uman, il-ftaħir, it-tifħir mhux mistħoqq u l-gideb.

Momu kien imkeċċi minn mal-allat. Dan kellu jiswielu ta’ nuqqas għalih, għalkemm aktar għandu jitqies li kien ta’ ġieħ. Aħjar bla maskra u mkeċċi milli bil-maskra u mħaddan. X’Olimpu hu jekk kulħadd bil-maskri? Momu għażel tajjeb, ukoll jekk dan ġablu ħafna hemm u mrar.

Kullimkien fid-dinja l-Momuijiet tal-lum jitqabdu kontra istituzzjonijiet li jridu jibqgħu jgħakksu lil min jiġi taħthom. Il-maskri jibqgħu jitwaqqgħu mill-uċuħ u l-bniedem jibqa’ jitqabad kontra l-kontroll tat-tagħrif u l-manipulazzjoni tal-popli.

Il-maskri għall-allat tajbin, imma mhux għall-bnedmin.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?