Ir-rovina tal-aqwa ħaddiem

Min imexxi xi entità, tkun xi tkun, ta’ xogħol u għandu l-ħaddiema taħtu spiss jaqa’ fl-iżball li bl-aġir u l-attitudni tiegħu jirrovina l-aqwa ħaddiema li jkollu. Hemm ħafna modi kif dan jista’ jsir. Wieħed minnhom hu li jwassal lil dal-ħaddiema fl-estremità li ma jibqgħux aktar jinpurtahom la mix-xogħol u lanqas mill-istess entità li jaħdmu magħha. Dan huwa żball serju li jfaqqar is-soċjetà daqskemm lid-dinja tax-xogħol.

Biex infisser dak li rrid ngħid se nuża tliet kelmiet kemxejn tqal, għall-anqas tnejn minnhom, u ngħid x’nifhem bihom. Huma dawn: ‘kritika’, ‘sarkażmu’ u ‘ċiniżmu’. Il-kritika hija meta xi ħadd jagħmel analiżi ta’ xi ħaġa u juri kif u għala tista’ tiġi mtejba. Is-sarkażmu huwa attitudni ta’ xi ħadd li jidħaq b’xi ħaġa li jistmell. Iċ-ċiniżmu huwa attitudni ta’ xi ħadd li tilef kull fiduċja f’xi ħaġa.

Qed nuża dawn it-tliet kelmiet għax irrid nuri li huma tliet fażijiet li jiġu wara xulxin fi proċess li bih ħaddiem jitlef kull motivazzjoni biex jibqa’ jaħdem. Bosta drabi hu proċess li jgħaddu minnu l-aqwa ħaddiema li entità ta’ xogħol ikollha. Jgħaddu minnha minħabba n-nuqqas ta’ għaqal ta’ min iħaddem fil-mod ta’ kif jieħu d-deċiżjonijiet.

Ħaddiema li jkollhom talent (u għandu mnejn ukoll intelliġenza) aktar minn ħaddiema oħra bosta drabi ssib li spiss jagħmlu l-kritika tagħhom biex itejbu l-affarijiet fl-entità ta’ fejn ikun jaħdmu. Dan jagħmluh għax ikunu jħobbu xogħolhom u jridu jarawh imur ’il quddiem. Il-kritika tagħhom tmur lil hinn mill-personalitajiet u r-rispett uman, u ħafna drabi jkun immotivat minn ċertu entużjażmu għal dak li jkunu qed jagħmlu ma’ ħaddieħor.

Din il-kritika hija ħafna drabi f’postha u meħtieġa. Madanakollu, spiss ukoll issib li ma tkunx togħġob lil min iħaddem. Dan jista’ jista’ jkun li aktar iħares lejn l-uċuh milli lejn il-ġid tal-entità tax-xogħol. Meta dawn il-fatturi jwassluh biex iwarrab il-kritika b’mod repetitiv, u jista’ jkun ukoll saħansitra jumbra lil min jagħmilha, ikun qed jagħti r-riħ lill-bażużli tiegħu u jnaffar lill-aqwa ħaddiema li jkollu taħtu.

Kritika ġusta u f’waqtha li mhijiex milqugħa b’mod sistematiku kontra kull raġuni twassal, fuq perjodu ta’ żmien, biex il-ħaddiema li jagħmluha jiġu mwassla biex jgħaddu għat-tieni fażi tal-proċess distruttiv, jiġifieri li jsiru sarkastiċi. Dan ifisser li, meta jaraw li l-kritika la hija mixtieqa u wisq anqas milqugħa, minflok ma jibqgħu jitkellmu fuq kif għandhom jitjiebu l-affarijiet, jibdew jidħqu bid-deċiżjonijiet foloz li kienu ttieħdu u saħansitra jistmelluhom.

Ħaddiem li, mill-fażi tal-kritika, jitwassal għal din il-fażi ta’ sarkażmu għax jara li, sistematikament, min iħaddem ikun qed jieħu deċiżjonijiet, u jiddefendi deċiżjonijiet, li jkunu saru biex ipaxxu l-bażużli medjokri tiegħu u mhux skont id-dehen ta’ min għandu intuwizzjoni, għarfien, imħabba jew entużjażmu għat-titjib.

Imma din mhijiex l-aħħar fażi. Ħaddiem li jibda jara li din is-sitwazzjoni mgħarrqa qed tippersisti u se tibqa’ tippersisti jiġi mwassal biex jgħaddi għall-fażi taċ-ċiniżmu. F’din il-fażi l-ħaddiem ma jibqax jinpurtah aktar jekk l-affarijiet imorrux lura jew il-quddiem. Saħansitra jista’ ma jibqax jinpurtah aktar jekk l-entità tax-xogħol li kien iħobb u jaħdem għaliha tibqax teżisti jew le.

Meta ħaddiem jitwassal sa dal-punt, min iħaddem ikun bl-atteġġjament dannuż tiegħu irrovina ħaddiem ieħor mill-aqwa li jkollu taħtu. Min iħobb l-entità tax-xogħol u jixtieq jarah imur ’il quddiem m’għandu qatt iwassal l-aqwa ħaddiema tiegħu sa dal-punt taċ-ċiniżmu. Bin-nuqqas ta’ ħaddiema bħal dawn, l-entità tax-xogħol titlef is-siwi tagħha u, fuq kollox, il-sengħa għall-effiċjenza u l-produttività.




Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?