Sunday, 2 September 2018

Iż-żokra t’Adam

Sal-bidu tas-seklu 16, ħafna drabi Adam kien jitpitter mingħajr żokra. Kien Michelangelo, bis-saqaf tal-Kappella Sistina, bil-magħruf ‘Ħolqien t’Adam’ madwar l-1512, li biddel din id-drawwa. Il-fama ta’ dal-ġenju artistiku Fjorentiż kienet hekk kbira li warajh kulħadd beda jagħmel bħalu. Madanakollu, għad hawn nies li jaħsbu li, bħal Adam, lanqas huma m’għandhom żokra.

Tibdila ċkejkna

Adam kien jitpitter mingħajr żokra għax ħafna kienu jemmnu li, għalkemm kien tabilħaqq bniedem bħal kull wieħed u waħda minna, ma kellux omm; ma ssawwarx f’ġuf; ġie maħluq minn Alla direttament. Għaldaqstant, ma kellu qatt korda umbilikali; inħoloq mill-ewwel adult, u Alla ma kienx se joqgħod jagħmel dettall bħaż-żokra għall-estetika, għall-kappriċċ jew għad-dehra biss. Din kienet tkun ukoll gidba, u Alla ma jigdibx. (Eva kienet titpitter l-istess.)

Hekk kienu jirraġunaw f’dak iż-żmien (u jista’ jkun xi wħud għadhom sal-lum). Però Michelangelo ma ħasibx bħalhom. Il-bniedem perfett li ried joħloq bl-Adam tiegħu fis-saqaf tal-Kappella Sistina ma setax ma jkollux ukoll iż-żokra bħal kull bniedem ieħor. Saħansitra fi żmienu dan ħoloq ferment sħiħ u kontroversja qalila. Xi wħud rieduh bilfors jikkoreġi l-iżball ikrah li kien għamel, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar, bħal dejjem, tiegħu għaddiet. Adam baqa’ biż-żokra.

Wara Michelangelo, kull pittur ieħor ma baqax jażżarda jpitter lil Adam bla żokra. Gidba jew le, omm jew le, beda jitqies li qisu kien ikun hemm xi ħaġa kważi mostruża li kieku żaqq Adam ma kellhiex is-sinjal tal-umanità, jekk mhux tiegħu għall-anqas ta’ ħaddieħor.

Bla antenati?

Iż-żokra hija sinjal ċar li aħna kellna ’l minn ġie qabilna; li ma twelidniex mill-arja; li nagħmlu sehem minn linja (twila) ta’ tnissil. Kull bniedem huwa parti minn serje ta’ bnedmin bħalu. Jekk Adam qatt eżista, ieħor bħalu―bla omm, bla antenati―qatt ma kien hawn jew qatt m’hu se jkun hawn (sakemm ma jivvintawx xi ħaġa f’xi laboratorju).

Madanakollu, hawn nies li donnhom jaħsbu li huma bħal Adam: huma l-ewwel u l-aħħar; bla antenati; qisu l-umanità bdiet bihom; bħallikieku bħalhom la qatt kien hawn u qatt m’hu se jkun hawn! Dan-nies donnhom jaħsbu li d-dinja lilhom kienet qed tistenna biex tiżżejjen bl-aktar annimal intelliġenti! Huma ‘fuori serie’, uniċi; distintivi; insostitwibbli.

Tisma’ lil dan-nies jitkellmu taħseb li huma vvintaw ir-rota! Ipinġu lilhom infushom bħallikieku m’nalla kienu huma biex fid-dinja hawn xi ħaġa suriet in-nies! Mhumiex għajr persuni minfuħa bihom infushom. Il-kburija għamja tagħhom tnessihom min huma, nies tad-demm u l-laħam bħal ħaddieħor, u li aktarx bihom u mingħajrhom id-dinja tibqa’ eżatt kif inhi!

Ħolqa f’katina

Kulħadd għandu żokra biex tfakkru li qablu ġie ħaddieħor u warajh jiġu oħrajn. Min jippreżenta lilu nnifsu qisu bħalu ma kien hawn qatt qed iqarraq bih innifsu u jaqa’ għaċ-ċajt quddiem ħaddieħor. Kulħadd hu ħolqa waħda f’katina twila li tibda’, għandu mnejn, minn Adam mal-mitejn elf sena ilu u tibqa’ sejra sa Alla biss jaf meta. Ħadd m’għandu jaħseb li hu xi fenomenu!

Nies li jaħsbu li huma fenomeni aħjar iduru dawra magħhom infushom u jeżaminaw sew il-kuxjenza. Il-kburija qatt ma kabbret lil ħadd; anzi ċekknithom dejjem. Dan-nies huma mqarrqa fuq l-importanza tagħhom infushom u jinsew li taħt ix-xemx m’hawn qatt xejn ġdid.

Ħarsa lejn żokrithom hija biżżejjed.



1 comment:

  1. Tghid ghalhekk Buddha dejjem jikkontempla zokortu?

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever