Europa admirabilis

Meta snin ilu kellna l-kampanji tar-referendum għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, ma jidhirlix li ħadd qatt ma kien semma l-vantaġġ li qed naraw illum bis-sħubija tagħna. Huwa l-vantaġġ li, fil-Parlament Ewropew, dejjem tista’ ssib nies onorabbli li jpatptu skont kif tgħidilhom u jingħaqdu miegħek ħalli flimkien jagħmlu kampanja fuq xiex jitwebblu. L-Ewropa tan-negattività hi tassew ammirevoli! Front għall-ġustizzja Tiftakarha t-tixbiha tal-Ewropa ta’ Abel u l-Ewropa ta’ Kajin? Antika issa, veru. Għandha ’l fuq minn erbgħin sena żgur. Imma għandu mnejn li qatt daqs illum m’aħna naraw is-sens sħiħ tagħha. Kajin u l-imxierka tiegħu donnhom dejjem bil-ħakk biex jaraw ma’ min se jaqbdu. Kulma jridu hu tfesfisa fil-widnejn ... u arahom jikkakkmaw flimkien biex joħolqu front għall-ġustizzja. Dawn iriduha ta’ nies serji; nies tal-affari tagħhom. Kollhom ingravajjed u bagalji, kollhom karti u ġlekkijin, u erħilhom itellgħu mill-istonku tagħhom u jobżqu s-semm. Addio verifiki. Addio...