Il-Labour Brittaniku
Il-Labour Brittaniku huwa wieħed mill-ftit organizzazzjonijiet politiċi tax-xellug li fl-Ewropa qed iżid, mhux inaqqas, is-saħħa. Il-viżjoni tiegħu, filwaqt li f’imkejjen oħra tal-Ewropa tista’ ma tappellax, qed taqbad l-immaġinazzjoni tal-ġenerazzjonijiet kbar u żgħar. Hu Labour li jista’ wkoll imexxi l-Gran Brittanja. Il-programm li kien ħareġ f’Lulju tas-sena li għaddiet għadu jista’ jkun ta’ tnebbiħ ukoll għal-Laburiżmu Malti.
Għall-ħafna
Dal-programm iġib l-isem “Għall-Ħafna, Mhux għall-Ftit”. B’hekk mill-ewwel juri l-mira ewlenija tiegħu: dik li l-ġid ma jkunx imkattar għal għadd relattivament żgħir ta’ nies (li jgawdu minn fuq dahar ħaddieħor jew anki tal-istat), imma għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini. It-tkattir tal-ġid fih innifsu mhuwiex indikatur biżżejjed għas-suċċess ta’ gvern; ikun jonqos it-tqassim tiegħu: huwiex għall-ftit jew għall-ħafna.
Il-Labour jagħżel il-ħafna għax hu Labour. Sempliċi daqshekk. Hawn Malta wkoll, minn Boffa ’l hawn dik kienet l-għażla tal-Labour u dik tibqa’ tiddistingwih. Mingħajrha ma jibqax Labour. Ukoll jekk b’daqshekk ma jsirx PN, xorta waħda jkun naqaslu l-element fundamentali tiegħu: dik li jaħseb fil-ħafna.
Dan mhux biss mil-lat soċjali, imma aktar u aktar mil-lat ekonomiku. Il-Programm tal-Labour Brittaniku jgħid dan b’mod ċar ħafna: “Aħna ma nikkalkulawx is-suċċess ekonomiku tagħna bl-għadd ta’ billjunarji, imma bil-ħila tan-nies tagħna li jgħixu ħajja aħjar.”
Sens ta’ ġustizzja
Dal-ideal mhuwiex astratt, imma għandu l-għeruq tiegħu fit-twemmin li l-ġid ekonomiku jinħoloq minn kulħadd, mhux mill-ftit; mela t-tgawdija tiegħu għandu jkun minn kulħadd, mhux mill-ftit. Il-Programm tal-Labour Brittaniku jagħti gwidi ċari ta’ kif il-leġislazzjoni ta’ gvern m’għandhiex tiffavorixxi lill-ftit aktar milli mill-ħafna, anki jekk ma tkun leġislazzjoni li ma tkunx direttament kontra l-ħafna.
Mhuwiex aċċettabbli taħt gvern Laburista—u dan jisħqu l-Programm tal-Labour Brittaniku—li l-ġid jinqasam bin-nofs in-nofs bejn min jista’ u min ma jistax. Min ma jistax għandu jingħata vantaġġ u persentaġġ akbar minn dak li l-pajjiż idaħħal. Għax, jekk dan ma jsirx, ikun ifisser biss li min għandu qed jingħatalu aktar, u min m’għandux qed jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Ir-riżultat: is-sinjur isir aktar sinjur; il-fqir aktar fqir.
Din mhijiex is-sistema tal-Labour imkien. Il-Labour, huwiex fil-Gran Brittanja, huwiex Malta jew huwiex xi mkien ieħor, ma jinjora qatt li l-ġid tan-nazzjon huwa ġġenerat minn kulħadd u, għalhekk, għandu għalih il-jedd kulħadd. Dan huwa s-sens ta’ ġustizzja li l-Labour, barra daqskemm f’Malta, dejjem kellu u, biex ikun Labour, irid jibqa’ jkollu.
Pjan li jgħodd
Wieħed mill-pjanijiet tal-Labour Brittaniku huwa li, meta jkun fil-gvern, jirrevedi l-investimenti tal-gvern jew, jekk ma jeżistux f’ċerti oqsma, joħloqhom. L-iskop hu li l-gvern jinvesti fiċ-ċittadin iż-żgħir daqskemm, jekk mhux aktar, l-istat kien u għadu jinvesti fiċ-ċittadin li jinsab komdu. Dan għandu jsir biex, kif jgħid il-Programm tal-Labour Brittaniku, “il-qawwa finanzjarja tibda taħdem għall-ġid komuni”.
Dan jagħmel sens għal kull Labour fil-gvern. Għax ikun qed jonqos jekk, taħt il-ħarsien tiegħu, il-‘qawwa finanzjarja’ taħdem kontra ċ-ċittadin iċ-ċkejken u ż-żgħir waqt li jiġi paxxut iċ-ċittadin il-kbir u l-qawwi. Dejjem il-Labour kien il-paladun u l-kemm taċ-ċkejken u ż-żgħir, u għajb għalih jekk, meta joħloq il-ġid, jitlef din il-kwalità li tagħżlu minn formazzjonijiet politiċi oħrajn.
Hija ekonomija bħal din, fost affarijiet oħra, li l-Labour Brittaniku jittama li jsostni la darba fil-gvern. Huwa pjan li qed isib ħafna semmigħa għax jagħmel sens għal min dejjem sab lil min hu b’saħħtu li jgħarrqu jew jagħfsu ’l isfel.
Huwa pjan li jgħodd għal kull gvern Laburista.

Comments
Post a Comment