Ix-xellug jispara f’saqajh

Hekk jagħmel elettorat meta jara li hemm bażi għalfejn jikkastiga ’l-politiċi tiegħu. Hekk jagħmel poplu meta jħossu avvelit. Tajjeb kemm hu tajjeb, ħadd m’għandu l-monopolju tal-poter. Ħażin kemm hu ħażin, ħadd m’hu eskluż mis-setgħa. Fil-Brażil ġara dak li diġà ġara f’ħafna nħawi oħrajn: ix-xellug spara f’saqajh u ħalla l-oppożituri tiegħu jagħmlu festa. Ix-xellug irid jerġa’ jitgħallem ikun fidil lejh innifsu.

Id-difiża taż-żgħir

Ir-rebħa kbira tan-neofaxxista Jair Bolsonaro fl-elezzjonijiet tal-ġimgħa li għaddiet fil-Brażil kienet possibbli minħabba n-nuqqasijiet kbar u gravi tax-xellug. Hawnhekk, bħal f’inħawi oħra tad-dinja, mhux anqas fl-Ewropa, ix-xellug ittradixxa u avvelixxa l-bażi tal-appoġġ tiegħu. Dan għamlu għax għażel li ma jkunx hu; li jbabas mal-prinċipji tiegħu; li jsir ċentrista modern.

Minbarra fil-Gran Brittanja, kullimkien ix-xellug ħa tkaxkira wara oħra minħabba n-nuqqas ta’ fedeltà tiegħu lejn l-ideali li jagħżluh fil-firxa politika. Aktar ma x-xellug jipprova jagħmilha tal-moderat modern, aktar jitlef saqajh u jitlef l-appoġġ popolari tiegħu. Il-kompromessi tiegħu mal-kummerċjanti, l-ispekulaturi u l-bankiera mhux ġid iġibulu, iżda ħsara; jitilfulu ruħu ... u l-elezzjonijiet.

Il-biċċa l-kbira tal-partiti politiċi tax-xellug, bil-Brażil daqskemm fl-Ewropa u f’inħawi oħra, qed jinsa għalfejn jeżisti. Qed jinsa li jeżisti biex jiddefendi ż-żgħir kontra l-kbir. Qed jiżbalja meta, bl-iskuża li jiddefendi l-ħrief, jidħol sħab mal-lupu. Il-lupu fil-maqjel tal-ħrief ħaġa waħda biss jaf jagħmel; u x-xellug mogħmi qed jiftaħlu r-rixtellu.

Il-falliment tax-xellug

Ir-rebħiet tal-lemin f’ħafna nħawi qed isiru minħabba l-falliment tax-xellug. Ix-xellug jagħti r-riħ lil-lemin meta jipprova jilgħabha taċ-ċentrista jew, agħar, taċ-ċentru-lemin; meta ma jibqax aktar ix-xellug li hu. L-għażla tiegħu li jkun bħal ħaddieħor li fundamentalment mhuwiex bħalu twassal biex is-sistema demokratika parlamentari ddur kontra ż-żgħir u tħallih mingħajr ħajt ta’ kenn.

L-Unjoni Ewropea hija eżempju perfett ta’ dan. La temmen fis-sistema parlamentari u lanqas fid-demokrazija. Temmen fil-kapital u l-ħidma libera tiegħu. Ix-xellug spiċċa, ħtija tiegħu nnifsu, jew jibdel qalbu, u jseħibha mal-isfruttaturi, jew jillimita l-ħsara li ġab b’idejh stess. Il-Brażil m’hu qed jagħmel xejn ġdid għajr jimita dak li diġà sar fl-Ewropa, l-Amerika u f’inħawi oħra.

Fil-Gran Brittanja biss ix-xellug dar dawra miegħu nnifsu u qatagħha li jkun dak li hu. Il-qlubija tiegħu qed tirbaħlu r-rispett u tagħti eżempju sħiħ lix-xellugin imbagħbsa kollha tad-dinja.

Kompromessi mal-lupu

Il-periklu kbir li x-xellug imbagħbas qed idaħħal fih lill-popli u n-nazzjonijiet huwa serju ħafna. Huwa l-periklu li l-faxxiżmu jerġa’ jerfa’ rasu u jarma bil-moħqrija tiegħu. Għax il-faxxiżmu m’għandu qalb u, jekk ix-xellug ukoll jieħu minnu, allura x’tama jibqa’ għall-politika tal-ħniena u l-ġustizzja li tagħha x-xellug huwa l-għassies?

L-infedeltà tax-xellug qed iħallas għaliha ż-żgħir, li kważi kullimkien qed isib li l-politiċi qed jitraduh, ibigħuh u jagħtuh daharhom. Għalxiex? Biex jagħmlu r-rebħiet kompromettenti tagħhom. Dawn qed ibigħu ruħhom biex jittrijunfaw. Imma dan jagħmluh għad-dannu taż-żgħir li, bħalma kien qabel, jerġa’ jisfa abbandunat minn kulħadd.

Dak li ġara l-Brażil dil-ġimgħa huwa l-aktar tfakkira reċenti li mhuwiex tard wisq, anzi huwa urġenti, li x-xellug jiġbor ġieħu; li huwa perikoluż tilgħab bil-prinċipji; li jista’ jkun fatali għaż-żgħir li jitħalla għal riħu. Li ġara l-Brażil huwa l-aktar tfakkira reċenti li, fl-aħħar mill-aħħar, ma jiswiex lix-xellug li jagħmel il-kompromessi li qed jagħmel mal-lupu. B’dan ikun biss qed jispara f’saqajh.


It-tieni volum tat-tieni edizzjoni tal-bijografija ta' Manwel Dimech għall-bejgħ mill-Fiera tal-Ktieb (7-11 ta' Novembru 2018) u mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.
 

Comments

  1. Naqbel. Fl-Indja, wkoll. Tibzax, Joseph Muscat mhux ha jaghti kas. Joseph Muscat jippreferi rebha Nazzjonalista milli jgieghel lis-sidien iroddu mqar centezmu mill-pagi, inkl. ta' l-overtime, misruqa. (Erezija!) Joseph Muscat jippreferi rebha Nazzjonalista milli jnaqqas il-kirjiet b'imqar centezmu. (Erezija!) Joseph Muscat mohhu mistrieh li issa jista' "jirtira" fuq il-bordijiet tal-kumpaniji u/jew fl-Ewro-burokrazija kif ghamel ta' qablu, Sant, u l-eroj tieghu, Blair. U warajna, id-dulluvju.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?