L-imsejkna Libja!

Seba’ snin wara l-qtil ta’ Gaddafi, il-Libja donnu ħadd ma jinteressah li jsemmiha aktar. Jew, jekk isemmiha, jinjora l-kaos sħiħ li hemm ġo fiha. Donnu kulħadd irid li tibqa’ eżatt kif inhi, għax mill-kaos ħafna qed igawdu ... barra l-poplu Libjan, li kuljum irid isaffaq wiċċu ma’ atti terroristiċi, prezzijiet ogħla għall-ħtiġijiet għall-ħajja u perikli mortali fit-toroq. Dil-ġimgħa, tentattiv ieħor biex tinstab xi għamla ta’ soluzzjoni dehret vojta daqskemm ażżardata.

Indħil

F’Palermo, Sqallija, ftit ’il bogħod minna, dil-ġimgħa ltaqgħu, taħt il-ħarsien tal-Ġnus Magħquda, l-irjus il-kbar li jistgħu jibdew isolvu l-problemi kbar li l-Libja bdiet għaddejja minnhom wara l-qtil ta’ Gaddafi fl-2011. Il-biċċa l-kbira jaqblu, għall-anqas bil-fomm, li pass importanti għall-istabbilità mġedda tal-Libja jista’ jkun li ssir elezzjoni ġenerali mill-aktar fis possibbli.

Hemm min din l-elezzjoni jridha das-sena stess, ix-xahar id-dieħel, hemm min kmieni s-sena d-dieħla, hemm min aktar tard, saħansitra fl-2020, u hemm min ma jridha xejn. Jekk dehret xi ħaġa ċara fil-laqgħa ta’ dil-ġimgħa kienet dik li ilha tidher għal dawn l-aħħar seba’ snin: l-indħil barrani. Il-ġejjieni tal-Libja mhuwiex f’idejn il-Libjani, qawwija kemm huma qawwija, u appoġġjati kemm huma appoġġjati, imma f’idejn gvernijiet barranin li jibqgħu jindaħlu, bil-politika, bin-negozjati, bl-interessi u bl-armi tagħhom, fi ħwejjeġ li jmissu biss lil-Libjani nfushom.

Fost dawn hemm, xejn anqas, il-Ġnus Magħquda, Franza, ir-Russja, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda. Kulħadd qed jgħaffeġ fil-pudina biex taparsi jsibu tmiem għad-diżastru tal-imsejkna Libja, imma milli jidher aktar ħsara qed jagħmlu flok ġid.

Poplu mwarrab

Il-pjan diskuss ġo Palermo ġie mill-mibgħut speċjali għal-Libja tal-Ġnus Magħquda, Ghassan Salame. Dan fassal li ssir elezzjoni ġenerali kmieni s-sena d-dieħla. Il-laqgħa għolja, għalkemm fiha ħa sehem il-mexxej ta’ Tripli, Fayez al-Serraj, appoġġjat mill-Ġnus Magħquda, kif ukoll il-mexxej ta’ Tobruk, il-Ġeneral Khalifa Haftar, li jikkontrolla l-parti tal-lvant tal-pajjiż, ma mxietx wisq. Il-kaos ma jistax jonqos mingħajr is-sehem tal-ħafna gruppi politiċi u paramilitari li jeżistu f’diversi partijiet tal-Libja.

L-indħil tal-gvernijiet barranin, li ovvjament ifittxu xawwathom, ma jistax jibda jħoll l-għoqda jekk jibqa’ jinjora x-xirkiet relevanti tal-Libjani nfushom, li lkoll qed ifittxu li ma jitilfux l-influss li għandhom bħalissa u li għalih jidhrilhom, forsi ġustament, li għandhom il-jedd. Min iwarrab il-poplu ma jistax ikollu soluzzjonijiet.

Bħalissa, sa minn Settembru li għadda ’l hawn, il-ġlied u t-taqlib fil-Libja żdied. Inqatlu mal-110 persuni u ndarbu mal-400. U ma jidhirx li se jkun hemm tmiem ta’ malajr għal dan il-massakru. Ħadd ma jaf eżatt min qed jforni l-armi lil min. Jista’ jkun li huma l-istess pajjiżi—Franza wieħed minnhom żgur—li qed jgħajtu ‘Paċi, Paċi’. Il-paċi ftit huma dawk li tabilħaqq iriduha.

Minsija?

Madanakollu, aktarx li l-akbar traġedja tal-Libja hija li dawk li kissiruha u wassluha f’dan l-istat tal-biki huma l-istess li jriduha tibqa’ kif inhi, imfarrka, meqruda u mifnija. Għala? Għax hekk jaqblilhom. L-uniku interess huwa li ż-żejt jibqa’ jnixxi u jasal fejn għandu jasal. Mill-bqija, mill-poplu, mit-tbatijiet tiegħu u mill-interessi veri tiegħu, il-biċċa l-kbira tal-gvernijiet ma jinpurtahomx.

Fejnu dak iż-żmien meta l-Libja kienet, għall-anqas, xi ftit irrispettata? Fejnu dak iż-żmien meta kienu xi ftit jew wisq pajjiż importanti fil-Mediterran? Fejnu dak iż-żmien meta l-Libjani kienu miżmuma bħala poplu ta’ ġieħ?

Kollox mar il-baħar għax hekk donnu riedu l-gvernijiet ta’ pajjiżi qawwija li kien jaqbilhom li l-Libja jinxteħet fit-trab. Hekk riedu, hekk sar ... u hekk jibqa’ jsir. Malta, li tant gawdiet mil-Libja, ta’ Gaddafi u mhux, m’għadhiex ħbieb magħha? Insejnihom għal kollox lil-Libjani issa?

X’ħasra!

https://www.facebook.com/DimechVol2/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?