L-għaġeb tal-presepju

Kulmeta niġi biex nara xi presepju, dejjem infittex l-ewwel l-għaġeb. ‘Kif?’ tgħidli, ‘Mhux lill-bambin, jew lill-Madonna, jew lil San Ġużepp? Jew imqar lill-ħmara u l-baqra?’ Le! Lil ħadd minn dawn. L-ewwel infittex l-għaġeb. U niddiżappunta ruħi ħafna meta ma nilmħux. ‘Fejnu l-għaġeb?’ ngħid lil dak li jkun. Xi presepju jkun mingħajr l-għaġeb?

Il-qima xierqa

Jien ma nafx barra minn Malta u Għawdex x’jagħmlu. Jekk il-presepji jkollhomx l-għaġeb tagħhom. Għandu mnejn dil-figura hi xi ħaġa oriġinali tagħna. Jien għamilt xi ftit tfittxijiet fuq l-Internet, u sibt li l-ħsieb jidher li ġie mill-presepji ta’ Napli. Ħaġa minn ewl id-dinja, aktarx. Għax il-presepji kollha, milli jidher, bdew minn hemmhekk, anki jekk jgħidu (tradizzjonalment) li kien San Franġisk li għamel l-ewwel presepju. Bit-Taljan l-għaġeb isejħulu ‘il meravigliato’, u bl-Ingliż, ‘the amazed sherherd’.

Hu x’inhu, aħna donna nisimgħu bih is-sena kollha, għax ma trid xejn biex xi ħadd jgħidlek li qisek l-għaġeb tal-presepju għax jarak tistagħġeb b’xi ħaġa għalxejn. Għalkemm xi wħud jinsew ipoġġuh fil-presepju tagħhom, donnhom tul is-sena ma jinsewx isemmuh biex jidħku xi waħda bik.

Imma l-għaġeb ma naħsibx li hu tad-daħk xejn. Għalkemm, miskin, isejħulu l-għaġeb, u baqgħetlu, l-istagħġib tiegħu mhuwiex għalxejn. Jidhirli jien li, apparti s-sagra familja, il-figura tiegħu hi l-aktar xierqa fost dawk kollha li nqiegħdu fil-presepju. Dal-proxxmu jqim bl-istagħġib tiegħu. Għax l-istagħġib aktarx hu l-aqwa sura ta’ qima.

Il-bidu tal-għerf

Il-filosfi tal-qedem ma naqsux li jqiegħdu l-istagħġib fil-bidu ta’ kull ħsieb għoli fuq il-ħajja tagħna u d-dinja ta’ madwarna. ‘L-istagħġib,’ jgħid Platun 400 sena qabel Kristu, ‘huwa l-bidu kollu tal-għerf’ (Tetetu 155d). Aristotli wkoll, 350 qabel Kristu jgħid l-istess: ‘Kien bl-istagħġib li l-bniedem illum u dejjem jibda jikseb l-għerf’ (Metafiżika 982b).

X’filosofija hi din li jitħaddtu fuqha dal-filosfi kbar Griegi tal-qedem? Hija l-filosofija li biha nistħarrġu l-misteri li niltaqgħu magħhom ġo fina u madwarna; li biha niskopru t-tweġibiet għall-ħafna mistoqsijiet li jitnisslu f’moħħna; li biha nfarrġu l-qalb tagħna fit-taqtiegħ u t-taqbid tagħha mal-ħajja.

Biex nibdew nagħmlu dan—biex nistħarrġu, niskopru u nitfarrġu—jeħtieġ li l-ewwel inħallu l-ħajja u d-dinja tgħaġġibna. Kif? Billi nħalluhom jiġu għandna mingħajr ma nipprovaw ngħawġuhom u nibdluhom skont ma jfettlilna f’moħħna; inħalluhom jiltaqgħu magħna bħallikieku kienu affarijiet li għandhom xi ħaġa ġdida x’jgħidulna.

Bla stagħġib

Il-bniedem mingħajr stagħġib quddiem il-ħajja u d-dinja donnu wieħed li diġà jaf kollox, li m’għandu ebda ħtieġa li jitgħallem, li hu bravu żejjed, li jifhem f’kollox, li għandu t-tweġibiet kollha. Bniedem li mingħalih ma jista’ għaġġbu xejn hu wieħed magħluq fl-injoranza tiegħu, li dak li jista’ jaf hu biżżejjed, li għalih il-ħajja u d-dinja m’għandhom ebda misteru ta’ xejn.

Dan-nuqqas ta’ stagħġib hu għamla ta’ suppervja. Għax x’inhi s-suppervja jekk mhux li bniedem iħossu sodisfatt bih innifsu u b’dak li jaħseb li jaf? Is-sodisfazzjon li jħoss, falza kemm hi falza, timlilu għajnu u ġġiegħlu jaħseb li għandu kollox diġà u li miegħu ma jista’ jżid xejn.

Bniedem bħal dan ifaqqar lil ħajtu. Għax il-ftit li għandu hu kollox għalih. Agħar minn hekk, ma jista’ jżid xejn miegħu.

Mhux hekk ifakkarna l-għaġeb tal-presepju. Jaf kemm jaf, ma jafx biżżejjed. Jifhem kemm jifhem, ma fehemx biżżejjed. Għaref kemm hu għaref, għad fadal ħafna għerf li għad jista’ jikseb. Hu hekk li jqim lil Alla: biex jibqa’ jirċievi mingħandu l-ħajja u d-dinja ta’ madwaru.

Jalla nibqgħu lkoll għoġġieba! Is-sena t-tajba!


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?