L-isfar ta’ Pariġi

Il-protesti vjolenti f’Pariġi fil-bidu ta’ dil-ġimgħa li għaddiet jheddu l-pożizzjoni politika tal-President ta’ Franza, Emmanuel Macron. Minkejja kollox, iżda, dan ma jistax ikun biżżejjed biex jaqilbuh minn postu kif ġieb u laħaq. Il-protesti ‘sofor’ li seħħew, però, huma sinjal ċar li fi Franza Macron mhuwiex qed jogħġob lil kulħadd; xi wħud fl-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jieħdu l-opportunità biex jiksbu vantaġġ mid-dgħufija tiegħu.

Protesti perikolużi

Macron tela’ b’rebħa elettorali kbira s-sena li għaddiet b’żewġ għajtiet kbar: li jqarreb lil Franza lejn l-UE u li jwettaq riformi interni. Sena u nofs wara, jidher li Macron qed ifalli fit-tnejn li huma. Il-qrubija ta’ Franza lejn l-UE ġiet imfixkla mill-Kanċillier Ġermaniz, Angela Merkel, u issa, ir-riformi interni mwiegħda ssarrfu mhux f’titjib iżda f’żieda fit-taxxa fuq il-petrol.

Il-protesti ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet u l-bidu ta’ dil-ġimgħa kienu fuq din tal-aħħar. Bdew bi ftit demostrazzjonijiet żgħar ’l hemm u ’l hawn fil-provinċji, u kibru u tferrxu sakemm waslu Pariġi. Il-konfronti fit-toroq tad-demostranti mal-pulizija u s-suldati kienu vjolenti ħafna u kważi kważi waslu biex Macron isejjaħ stat ta’ emerġenza.

Il-biċċa l-kbira tal-protestanti kienu liesa ġkieket lewn isfar jgħajjat. Hu għalhekk li l-protesti tagħhom issejħu ‘sofor’. Bosta osservaturi ġurnalistiċi skoprew li, minbarra dal-ġkieket, id-demonstranti ftit li xejn aktar kellhom komuni bejniethom: huma ġew minn ħafna osqma differenti tas-soċjetà Franċiża, u dan għamel il-protesti aktar perikolużi għal Macron.

Alleanza stramba

Minkejja dal-protesti, Macron m’għandux gvern dgħajjef, u ma jidhirx li l-gvern tiegħu se jiddgħajjef malajr. Madankollu, il-protesti għamlulu ħsara kbira, u l-popolarità tiegħu fost l-elettorat waqgħet bis-sħiħ. Jidher li, għall-anqas fuq din tat-taxxa fuq il-petrol, se jkollu jagħmel xi pass jew tnejn lura jekk irid iżomm saqajh fis-sod.

Fl-UE Macron ma ħassx terrimoti. Anzi, bil-maqlub. Issa li riesqa sewwa l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ Mejju tas-sena d-dieħla, xi wħud, fosthom il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, qed jersqu lejh dejjem aktar biex jibdel il-karti tal-logħob u joħloq UE differenti milli għandna bħalissa.

Dak li qed jiġri hu li qed tinbena alleanza stramba bejn diversi nies li magħhom hemm Muscat u Macron. Fost dawn hemm Guy Verhofstadt, il-kap ta’ ALDE (l-Alleanza ta’ Liberali u Demokratiċi għall-Ewropa), Christophe Castaner (il-Ministru tal-Intern ta’ Franza), Matteo Renzi (l-eks Prim Ministru tal-Italja), Albert Rivera (il-kap tal-partit Ciudadanos), Dacian Ciolo (l-eks Prim Ministru tar-Rumanija), Olivier Chastel (membru tal-partit liberali Belġjan Mouvement Réformateur) u Alexander Pechtold (il-kap tal-partit soċjo-liberali Olandiż Democrats 66).

Elf xejra ta’ griż

Dak li jista’ jingħad li hemm komuni bejn dawn il-politiċi huwa li aktarx huma lkoll ċentristi. Dan jista’ jfisser li l-politika tagħhom, kemm jekk ixxaqleb lejn ix-xellug u kemm jekk lejn il-lemin, tagħmel il-kompromessi meħtieġa għal governanza li tkun stabbli, prospera u dejjiema.

Din l-alleanza qed issir speċifikament in vista tal-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej. Hija trid taqlibha lill-politiċi tal-lemin u tal-lemin estrem, kif ukoll lil dawk tax-xellug u tax-xellug estrem. Jekk l-alleanza tirbaħ, allura dan jibdel il-mod ta’ kif jiġi ifformata l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll min ikun il-kap tal-Kunsill Ewropew.

Dan kollu ġie kkonfermat fil-konferenza tal-Partiti Soċjalisti Ewropej li għadha kemm saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u li għaliha attenda Joseph Muscat. F’dil-konferenza l-politika ċentrista kienet evidenti, bħalma kienet evidenti wkoll il-mixja lejn l-alleanza bi tħejjija għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej.

L-isfar ta’ Pariġi biss kien donnu l-uniku lewn li ma jridx jisfuma! Mill-bqija: elf xejra ta’ griż.


Ixtri t-Tieni Volum ta' DIMECH billi tagħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt. Grazzi.

https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Annimali domestikati u nies oħra (6)

Il-GB tibqa’ ġewwa

Humiliating and shameful