L-UE armata

L-ewwel kienu qalulna li l-Unjoni Ewropea (UE) twaqqfet għall-paċi dejjiema. Imbagħad qalulna li se jkollha armata għal każijiet umanitarji. Issa qed jgħidulna li se jkollha armata tagħha. Malta m’għandhiex toqgħod tilgħab mal-bżallu f’dil-ħaġa: għandha tagħmilha ċara MINN ISSA li ħaġa bħal din mhijiex aċċettabbli għaliha; u li, jekk l-UE tiddeċiedi li jkollha armata tagħha, Malta tħalli l-UE.

Armata għall-ġlied

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, reġgħet għamlitha ċara f’diskors lill-Parlament Ewropew li hija temmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien li l-UE jkollha l-armata tagħha. Bosta qablu magħha; oħrajn opponew. L-idea, fil-fatt, mhijiex ġdida. Ilha tinstama’ ’l hawn u ’l hinn f’diversi laqgħat għoljin tal-UE.

Din tal-armata kien ħareġ biha René Pleven fl-1950. Dan kien il-President tal-Kunsill tal-Ministri Franċiżi u l-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali Franċiża. Imma leħnu fuq din il-biċċa ma kienx l-uniku wieħed. Diversi politiċi jerġgħu kull darba jqajmu dil-kwistjoni, speċjalment fi Franza u l-Ġermanja.

Id-diskors ta’ Merkel favur it-twaqqif ta’ armata tal-UE b’saħħa nukleari sar wara kummenti li kien għamel ftit taż-żmien qabel il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, f’intervista fuq ir-radju. Huwa sejjaħ għal “arma Ewropea suriet in-nies” bħala parti mill-idea ta’ “Ewropa li tħares lilha nnifisha”.

L-idea tikber

Għalkemm Macron aktarx ma kienx qed jitkellem f’termini militaristiċi, anki meta qal li l-Ewropa jeħtieġ li tħares lilha nnifisha miċ-Ċina, mir-Russja u saħansitra mill-Istati Uniti, ħafna hekk interpretaw kliemu. Fosthom kien hemm il-President tal-Amerika stess, Donald Trump.

Minkejja dan in-nuqqas ta’ ftehim, l-idea li l-UE jkollha armata vera u proprja tqum ta’ spiss. Dan hu l-mod kif il-politiċi, għall-anqas xi wħud minnhom, imexxu l-aġendi tagħhom: jitfgħu l-lixka, imbagħad jaraw xi jtellgħu. L-idea, għalkemm tista’ tibda mingħajr periklu ta’ xejn, bil-mod il-mod tibda’ taqbad ma’ xi wħud li jeħduha b’serjetà u jipprovaw jimplimentawha. Hekk jista’ jiġri f’dan il-każ ukoll.

Xi wħud isostnu li l-UE ma jista’ qatt ikollha armata vera u proprja għax il-pajjiżi li jiffurmawha huma wisq differenti minn xulxin. Oħrajn jgħidu li m’hemmx rieda politika biżżejjed għaliha. Oħrajn jaraw ħaġa bħal din bħala rival perikoluż għan-NATO. Minkejja dan kollu, xi wħud oħrajn jaraw il-ħolqien ta’ armata tal-UE bħala ħtieġa li dejjem qed tikber u li għad jasal żmien meta, iridu jew ma jridux, ikollhom jagħmluha.

Gvern ċar

Armata tal-UE qatt ma kien fil-ħsieb tas-sħubija ta’ Malta fl-UE. Anzi, jiena jidhirli li ħaġa bħal din, meta ssemmiet, dejjem ġiet miċħuda kategorikament. L-idea nnifisha kienet tkun kostituzzjonalment impediment serju għas-sħubija tagħan fl-UE. Qatt ma kien li Malta bl-iċken mod ikkommettiet lilha nnifisha favur xi tip ta’ armata bħal din.

Il-gvern Malti, iżda, għandu jagħmilha ċara MINN ISSA lil dawk kollha kkonċernati li armata tal-UE ma tkun qatt aċċettabbli għall-poplu Malti. Anzi għandu jagħmel aktar minn hekk. Għandu jiddikjara li, jekk qatt l-UE tibda bis-serjetà l-proċess biex issir xi armata vera u proprja, allura Malta jkollha taħseb biex tħalli l-UE u tirtira s-sħubija tagħha.

Il-gvern Malti, jidhirli, m’għandux ikun ambigwu fuq dan. Għandu jikkommetti lilu nnifsu, f’isem il-poplu Malti, li mhuwiex lest jagħmel kompromessi fuq ħaġa bħal din. UE bl-armata tagħha mhijiex tajba għal Malta. Malta m’għandha jkollha xejn lil xejn x’taqsam ma’ ħaġa, jew imqar idea, bħal din.

L-UE armata mhijiex il-post fejn Malta tista’ tgħix il-ġejjieni tagħha.


Comments

Popular posts from this blog

Annimali domestikati u nies oħra (6)

Il-GB tibqa’ ġewwa

Humiliating and shameful