Nitwieldu għall-Milied

Kienu l-kurituri tal-isptar imżejnin. Ħsieb sabiħ barra minn loku. Il-bambin ċkjeken fuq it-tajjar, ix-xiħ tal-Milied b’qanpiena f’idu, u saħansitra l-anġlu mdendel jperreċ ‘Glorja ’l Alla’ – kollha maħsuba biex iferrħu d-dwejjaq u għandu mnejn itaffu xi ftit it-tbatija tal-ġrajjiet li ngħaddu minnhom. Xorta waħda deherli li l-isptar ma kienx post it-tiżjin.
     Kif kien għaddej dan minn moħħi, resqet warajja mingħajr ma ntbaħt mara għadha kemxejn żagħżugħa li ħadtha mill-ewwel li kienet waħda mill-pazzjenti t’hemm ġew. Kienet qed iġġorr magħha lasta fuq ir-roti li magħha kellha mdendel flixkun iqattar bil-mod il-mod. Wiċċha kien mixrub u persuntha wkoll; iżda għajnejha kien għad kellhom dak l-istar tal-ħajja li tilmaħ f’nies b’saħħithom.
     Donnha basret x’kont qed naħseb, għax qaltli:
     ‘Jaqaw ma jgħoġbukx?’
     ‘Mhux ma jgħoġbunix,’ weġibtha. ‘Narahom kemxejn żejda hawnhekk fl-isptar.’
     ‘Għala,’ staqsietni. ‘Mela l-Milied mhux għall-pazzjenti wkoll jiġi?’
     ‘Mitt darba u elf,’ laqlaqtilha. ‘Imma, taf int, hawnhekk donnu mhux post it-tiżjin.’
     Bqajna mixjin flimkien għal għonq il-kurutur.
     ‘Jien narah aktar postu hawnhekk milli f’ħafna postijiet oħra barra,’ qaltli.
     Milli jidher, intebħet li kont stagħġibt b’li qaltli, għax kompliet:
     ‘Għax qed tistagħġeb? Barra, iva, ħafna minn dawn l-affarijiet aktar isiru għat-tiżjin, imma hawnhekk, fejn it-tbatija tmissha b’idejk, u l-mewt tħarisna f’wiċċna, isiru biex ifakkruna.’
     Jien domt ftit waqtiet biex ngħid kelma oħra għax ma stajtx nobsor biex kienet ġejja. Kulma għedtilha kien: ‘Ifakkrukom xiex?’
     ‘Ara xiex!’ stagħġbet issa hi. ‘Ifakkruna li l-ferħ mhuwiex tal-Milied, imma l-Milied hu tal-ferħ.’
     Kif qalet hekk, għolliet idejha sa fuq sidirha għadma u ġilda; jiena fhimt li kienet qed tgħid għal qalbha jew għas-sentimenti tagħha, xi ħaġa hekk.
Ma tkellimtx; hi fehmet li ma kontx fhimt wisq. Tatni tbissima ħelwa li damet sekonda fuq xofftejtha, imbagħad qaltli:
     ‘Il-Milied mhuwiex dwar dak li twieled għalina daqskemm dwar dak li aħna nitwieldu għalih. Hu twieled biex aħna ngħixu; aħna ngħixu biex nilqgħu ’l dak li twieled. Qabel nilqgħuh m’hemmx Milied għalina ... hemm biss tiżjin.’
     Għajnejha kbar kienu qed iħarsu lejja; jien kont qed inħares lejha bħal wieħed mismut.
     ‘Għalhekk,’ kompliet, ‘sabiħ il-ħsieb ta’ min għamel dawn l-erba’ tiżjiniet hawnhekk. Għalina jfissru ħafna. Huma ta’ faraġ―ma tafx?―għax ifissru li t-tama twassalna lil hinn mit-tbatijiet ta’ issa.’
     Ħassejtni mċekken quddiem dil-mara li għallmitni. Meta sellimtilha biex ngħaddi għand min kelli nżur, ħassejt bħal serħan mhux mistenni ġewwa fija. Kien tatni rigal mill-isbaħ.
     Kif ġew l-affarijiet, lil dik il-mara qatt ma rajtha aktar. Tgħidli qalbi ilha żmien li nġabret. L-għajnejn li tatni biex nara ’l ta’ madwari b’tifsir ġdid, kemm lill-mixħutin mifluġa u kemm lill-qalbiena li jieħdu ħsiebhom, għandhom fuqi sal-lum. Ma jitilquni qatt ... għax ġew mill-imġarrab u l-għerf tal-imġarrab m’għandux prezz.
     Għaddew bosta Miliedijiet minn dak in-nhar u dejjem nibqa’ niftakar f’dik l-appostlu tat-tama li farrġitni. Kliemha jibqa’ jdoqq f’widnejja u għajnejha jibqgħu jserħu ’l qalbi. Jekk għaddiet minn dil-ħajja għadha wkoll tgħix mingħajr ma tgħaddi.
     Lilek u lill-familja tiegħek nixtieqlek Milied hiena u sabiħ. Jalla dawk kollha li jżommu dal-jiem f’għożża mqar ċkejkna jagħarfu li l-Milied, tabilħaqq, mhuwiex dwar dak li twieled għalina daqskemm dwar dak li aħna nitwieldu għalih.

Il-Milied it-tajjeb!

https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?