Artiklu 50

Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona, it-trattat li jagħti l-bażi kostituzzjonali lill-Unjoni Ewropea, jagħti d-dritt lil kull pajjiż imsieħeb fl-Unjoni li jħalli l-istess Unjoni minn rajh. Dal-Artiklu jispeċifika l-proċedura li biha pajjiż imsieħeb iħalli l-Unjoni. Meta Artiklu 50 jiġi mqiegħed fil-prattika, il-pajjiż li jkun se jħalli jkollu sentejn biex jinnegozja ftehim għall-ħruġ.

Imħawda sew

S’issa qatt ma kien li Artiklu 50 ġie mqiegħed fil-prattika minn xi pajjiż imsieħeb tal-Unjoni Ewropea. Ir-Renju Unit huwa l-ewwel wieħed. Għall-ħabta ta’ nofsinhar tad-29 ta’ Marzu tal-2017, Theresa May, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, skattat dal-Artiklu biex l-arloġġ għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea beda jtektek. Iż-żmien jeskadi għaxar ġimgħat oħra, fid-29 ta’ Marzu li ġej.

Il-Prim Ministru Britanniku skattat Artiklu 50 minħabba ordni u mandat li ngħatat biex tagħmel dan mill-poplu tar-Renju Unit. Dan ivvota f’referedum li sar fit-23 ta’ Ġunju tal-2016 li fih 52% talbu li r-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea. 48% kienu kontra.

Il-problema kbira tar-Renju Unit, bħalma deher ċar dil-ġimgħa, hija li l-ftehim għall-ħruġ ma jistax jintlaħaq għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd, speċjalment fir-rigward tal-Irlanda tan-Nord. Hemm limitazzjonijiet kbar x’jista’ jsir f’dawn l-aħħar ġimgħat. Iżda hemm ukoll diversi possibbiltajiet. Kollox ma’ kollox, is-sitwazzjoni mhijiex xi waħda sabiħa. Anzi, hi waħda mħawda sew.

Bieb miftuħ

Qabel ma beda jeżisti Artiklu 50 fit-Trattat ta’ Lisbona tal-2007, ma kien hemm ebda mod legali li bih pajjiż tal-Unjoni seta’ jħalli l-istess Unjoni voluntarjament. Dat-Trattat daħal fis-seħħ fi tmiem l-2009, u ħa post żewġ trattati oħra li kien hemm qabel. Dawn, però, ma kellhom ebda liġi ekwivalenti għal Artiklu 50.

Dal-Artiklu fih ħames elementi ewlenin: li kull pajjiż membru jista’ jħalli l-Unjoni skont il-liġijiet tiegħu stess; li l-pajjiż li jkun se jħalli jrid jinnegoza ftehim tat-tluq f’sentejn; li ż-żmien ta’ sentejn jista’ jiġi mtawwal bi ftehim mal-Kunsill Ewropew; li l-pajjiż li jkun se jħalli ma jiħux sehem fid-deċiżjonijiet tat-tluq tiegħu; u li pajjiż li jkun ħalla jkun irid japplika mill-ġdid biex jerġa’ jissieħeb fl-Unjoni.

Minkejja dal-Artiklu 50, aktarx qatt ma kien jiġi mbassar li xi pajjiż għad jieħu dan il-pass mingħajr preċedenti. Ir-Renju Unit—minkejja li għall-bidu ma riedx jissieħeb fl-Unjoni, imbagħad, meta ried jissieħeb, Franza ma riditux—kien aktarx wieħed mill-aħħar pajjiżi li kien hemm il-possibbiltà li jitlaq. Ir-Renju Unit issa qiegħed jiftaħ triq li ħadd ma terraq, imma li żgur jista’ jħajjar lil ħaddieħor. Il-bieb huwa issa miftuħ.

Tagħlima kbira

X’jista’ jiġri sa għaxar ġimgħat oħra Alla biss jaf. Dawn se jkunu ġimgħat ta’ taħbit kbir għall-politiċi tar-Renju Unit, kif ukoll għall-ogħla awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea. Dis-sitwazzjoni li fiha biċċa mill-Unjoni taqa’ ’l barra—u biċċa hekk importanti—ġabet taħwid u konfużjoni kbira. Saħansitra l-ġejjieni kollu tal-Unjoni jinsab fi kriżi b’din id-deċiżjoni li r-Renju Unit jitlaq għal rasu.

Għal xi wħud, din hi ġennata kbira. Għal oħrajn, hu tmiem li llum jew għada kellu jasal. Ir-Renju Unit, jgħidu dawn, m’għandux bżonn l-indħil tal-Unjoni Ewropea. Lanqas m’għandu bżonn li joqgħod jerda’ mingħandha. Mhux bħal xi wħud mill-bqija tal-pajjiżi msieħba l-oħra. Għalhekk dat-tluq.

Dat-tluq, jiġi kif jiġi, jiġi meta jiġi, żgur li għandu x’jgħallem lil kulħadd: ta’ barra daqskemm ta’ ġewwa l-Unjoni Ewropea, inkluż lilna. Għal kulmin segwa d-dibattiti li saru fil-parlament Britanniku f’dawn l-aħħar ġimgħat għandu tagħlima kbira x’jitgħallem mill-pass tar-Renju Unit.



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?