L-Amerika wiċċha mal-ħajt

Waqt li fl-Ewropa l-ħsieb ta’ kulħadd qed idur madwar il-qtugħ tar-Renju Unit minn mal-Unjoni Ewropea, fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku l-Istati Uniti tal-Amerika tinsab fi dwell ta’ saħħa bejn il-President Trump u l-Kungressisti Demokratiċi fuq il-finanzjament tal-‘ħajt’ ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Messiku.

Ħajt komplut

Qabel ma wieħed jibda jaħseb fuq din il-biċċa tal-ħajt, tajjeb li jikkunsidra żewġ affarijiet li jistgħu jixħtu dawl fuq is-sitwazzjoni. L-ewwel ħaġa hi din: diġà jeżisti xi tip ta’ ħajt f’partijiet tal-frontiera ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Messiku; Trump irid biss li jżid il-firxa tiegħu.

Ftit jaf li ħajt diġà hemm bejn l-Istati Uniti u l-Messiku. Iva. Mhuwiex ħaġa ġdida. Meta jien kont il-Messiku fi żmien il-President Obama, fil-belt ta’ Ciudad Juarez fejn kont, il-ħajt kien parti mill-ħajja ta’ kuljum. Dan għax il-preżenza tiegħu f’din il-parti tal-fruntiera kkaratterizza ħafna affarijiet oħra, bħal transport, kummerċ, traffiku ta’ nies u l-bqija.

Bħalissa hemm mal-1,000 kilometru ta’ bejn ħajt u barriera. Il-ħajt li jeżisti, bħalma rajt jien, hu għoli ħafna, wiesgħa u mgħasses tajjeb. Il-barriera, li jien rajt f’inħawi oħrajn, aktar lejn El Paso, ngħidu aħna, hi biss xatba għolja magħmula minn xibka tal-metall fuq arbli tal-ħadid. 600 kilometru tal-frontiera la għandha barriera u lanqas ħajt.

Trump irid jagħmel żewġ affarijiet: ineħħi l-barrarieri kulfejn jeżistu u jagħmel ħajt komplut tul l-1,600 kilometru kollha tal-fruntiera.

Ħitan mad-dinja

It-tieni ħaġa li wieħed irid iżomm f’moħħu hija li dal-ħajt li Trump irid jibni, u li ħafna qabżu biex jikkundannaw, mhuwiex l-uniku ħajt li se jeżisti fid-dinja fuq fruntieri ta’ bejn il-pajjiżi. Fl-Afrika ssib ħames pajjiżi b’ħitan bħal dawn. Fl-Amerika Latina hemm ieħor. Fl-Asja hemm sittax. Bħalma hemm, jiġifieri sittax, fl-Ewropa wkoll. Mill-anqas tmintax b’kollox!

Fi kliem ieħor, ħadd m’għandu għalfejn jitkaża b’Trump. Biex nieħu xi eżempji, insemmu l-Gran Brittanja bil-ħitan li hemm mibnijin f’Belfast, fl-Irlanda ta’ Fuq. Insemmu Spanja, li bniet ħitan ta’ fruntiera fil-Marokk. Insemmu n-Norveġja, li bniet ħajt fuq il-fruntiera tagħha mar-Russja. Insemmu l-Greċja, li bniet ħajt mat-Turkija. Insemmu l-Franza, li bniet ħajt f’Calais mal-Ingilterra.

L-eżempji li jistgħu jingħataw huma bosta. Kollha huma koroh, u ebda waħda ma tiġġustifika l-bini tal-ħajt ta’ Trump li bih irid jagħmel kontroll akbar fuq l-immigranti illegali li jiġuh mill-Amerika Latina. Ir-raġunament tiegħu ssibu kullimkien fid-dinja, inkluż f’dawk il-politiċi ta’ pajjiżi li jilagħbuha tal-akbar ċivilizzati.

Is-settariżmu

Il-ħajt ta’ Trump, jekk wieħed irid jgħid kollox, mhuwiex dwar il-ħajt. Għall-anqas mhux biss. Hu wkoll dwar min hu l-aqwa, jekk hux il-President tal-Amerika jew jekk hux il-Kungress ikkontrollat mid-Demokratiċi. Legalment, it-tnejn għandhom xi ftit jew wisq raġun. Imma t-tnejn li huma r-raġun iridu kollu, li ma jistax ikun.

Il-ħajt hu akbar u aktar sinifikattiv bejn Trump u l-Kungress Demokratiku milli bejn l-Amerika u l-Messiku. Mhux ħajt diviżorju wieħed biss hu żejjed fid-dinja. Kollha jridu jaqgħu; u xejn m’għandu jinbena flokhom. Jekk bejn il-bnedmin ma jistax jinsab ftehim, ebda ħajt ma hu se jsolvi l-problema.

Il-ħitan, fiżiċi daqskemm mentali jew affettivi, problemi biss iġibu magħhom. L-Amerika tinsab wiċċha mal-ħajt mhux minħabba l-Messiku, imma minħabba l-intransiġenza tal-politiċi u l-fissazzjoni bis-supremezija ta’ min hu l-aqwa. Ikun wiċċu mal-ħajt bħalha kulmin, flok l-għaqda u l-ftehim, ifittex il-firda tas-settariżmu.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?