L-Ewropa mqanqla

L-Ewropa ma setgħetx tibda aħjar is-sena l-ġdida. Għandha ma’ wiċċha f’Pariġi l-akbar irvellijiet mill-aħħar gwerra ’l hawn. Għandha ma’ wiċċha d-dejn kważi devastanti tal-Italja. Għandha ma’ wiċċha l-imigrazzjoni illegali mill-Mediterran, il-Lvant u l-Punent. Għandha ma’ wiċċha l-irvellijiet fl-Ungerija. Għandha ma’ wiċċha l-qawmien politiku tax-Xellug estrem. Għandha ma’ wiċċha l-ħruġ tal-Gran Brittanja mill-Unjoni Ewropea. Lanqas l-aqwa artist ma seta’ jkun imnebbaħ biex ipitter kwadru daqstant sabiħ!

Xejn għajr ċajta

Dan kollu jista’ jagħti l-impressjoni—fil-fehma tiegħi żbaljata—li l-Ewropa tinsab fi stadju ta’ xi bidla radikali jew qawwija. Il-problemi li bihom bdiet l-2019 ma jidhirlix li jindikaw dan. Jindikaw, ċertament, tqanqil serju u xi minn daqqiet perikoluż, iżda mhux ta’ xi bidla fl-għamla istituzzjonali jew strutturali tal-Ewropa. L-Ewropa hija b’saħħitha biżżejjed biex tilqa’ għal għawġ bħal dan u anki akbar.

Dan ma jfissirx li kollox huwa sew. Il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Ewropa mhumiex fi kriżi serja mhux neċessarjament ifisser li huma tajbin. Anzi. Jien nifhimha li llum huma hekk imwebbsa li ftit li xejn għadu jista’ jħarrikhom. L-istituzzjonaliżmu Ewropew tant sar qawwi u ffinanzjat tajjeb li r-rieda tal-popli tagħha donnha qajla saret tgħodd għal xi ħaġa effettiva.

Il-bidla fl-assolutiżmu tal-istituzzjonijiet Ewropej, partikularment tal-Unjoni Ewropea, tista’ ssir biss minn ġewwa. Imma dan ftit se jsir għax l-investiment fiha nnifisha huwa kbir wisq. Il-bidla li l-popli saru jitkarrbu għaliha minn barra l-istituzzjonijiet tant saret diffiċli, jekk mhux ukoll impossibbli, li kważi kważi m’hi xejn għajr ċajta.

Direzzjoni żbaljata

Għandha bżonn tinbidel l-Ewropa fl-ebusija tal-istituzzjonijiet monolitiċi tagħha? Dażgur! Għandha bżonn l-Unjoni Ewropea tibdel il-prepotenza tagħha fuq niesha stess? Dażgur! Imma kulma qed naraw, aktarx, hija dejjem aktar ebusija; aktar tisħiħ tal-assolutiżmu li diġà hemm. Il-bidla qed issir, ngħiduha kif inhi, imma fid-direzzjoni żbaljata.

Il-protesti ’l hemm u ’l hawn fl-Unjoni Ewropea huma sinifikanti, tabilħaqq. Imma wisq nibża’ li kulma qegħdin jagħmlu huwa li jħarrxu l-problema. Bl-aġir tagħhom qed jagħmlu l-istituzzjonijiet u n-nies burokratiċi u teknokratiċi tagħhom fini u makakki aktar minn qatt qabel. L-assolutiżmu mhux jiddgħajjef bihom, imma jissaħħaħ.

Jien m’iniex qed ngħid li l-protesti m’għandhomx isiru. Dażgur li għandhom! Imma biex jintlaħaq l-iskop tagħhom jeħtieġ ferm aktar minn hekk. Qawwija kemm huma qawwija, weħedhom m’huma se jseħħilhom qatt li jġibu l-bidla li jridu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Anzi, wisq nibża’ li l-effett aħħari jkun bil-kontra ta’ dak li jixtiequ.

Ebda politika

Il-movimenti popolari ta’ rivolta donnhom qishom kelb li qed jinbaħ mas-siġra l-ħażina. Huma movimenti li jridu jiffunzjonaw fuq livell politiku li m’għadux jeżisti. Mhux għax hemm xi livell politiku ieħor li huma ma jafux bih, imma għax m’hemm ebda livell politiku. Il-politika fl-Ewropa, speċjalment fl-Unjoni Ewropa, spiċċawha.

Il-politika hija dik il-proċess ta’ dibattitu, ta’ taqbid ideoloġiku, ta’ taqtigħa t’għażliet, li jwasslu għal xi għamla ta’ kompromess fid-deċiżjonijiet u l-aġir tal-gvernijiet. Imma l-burokratiċi u t-teknokratiċi Ewropej din l-għamla ta’ politika mewtuha. Anzi, mewtu l-politika nnifisha.

Bil-mod il-mod, intarsjati fl-istituzzjonijiet assolutistiċi tagħhom, irnexxielhom iwaqqfu kull dibattitu, kull taqbid ideoloġiku, kull taqtigħa t’għażliet. Flokhom ħallew biss klikka waħda ta’ maniġeristi li jimmanipulaw kull sitwazzjoni biex tiġi ddoqq għall-mużika tagħhom.

Tul din is-sena, f’din l-Ewropa mqanqla dan kollu aktarx narawh jintensifika ruħu fuq kull livell.



DIMECH
https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?