Il-ħtieġa tar-reviżjoniżmu

It-terminu ‘reviżjoniżmu’ ġej mill-kelma ‘reviżjoni’, jiġifieri li terġa’ żżur—tagħmel ‘revision’ bl-Ingliż—ta’ xi ħaġa li tkun diġà saret. Hija kelma xi ftit jew wisq teknika li tintuża għal għadd ta’ skopijiet li, jidhirli, tajjeb li bniedem ikun jaf bihom. Ħafna drabti, int u jien kemm-il darba nagħmlu reviżjoni, jew anki reviżjonijiet, ta’ affarijiet li nkunu diġà lestejna mingħajr ma nsejħulu hekk.

It-tifsir

Aktarx li l-kelma ‘reviżjoniżmu’ saret moda għall-ewwel darba fit-teorija politika marbuta mal-Marxisti. Fost dawn kien hemm min isejjaħ hekk, bi tmaqdir, lil dawk fosthom li fil-fehma tagħhom ma kinux qed jaċċettaw id-duttrini ta’ Marx fl-għamla safja u pura tagħhom, imma kienu qed jinterpretawhom skont teoriji moderni li ma kinux xierqa. F’dan is-sens, skont il-Marxisti ortodossi r-reviżjonijiet il-ġodda kienu eretiċi.

Minn hawn, il-kelma ‘reviżjoniżmu’ ħadet xejra kemxejn negattiva. Qisha bdiet tintuża għal xi ħadd li jagħmel reviżjoni żbaljata, nonkonformista jew mhux ortodossa ta’ xi duttrina aċċettata bħala sagrosanta. Minkejja dan, però, maż-żmien il-kelma bdiet tieħu xejriet aktar pożittivi. Ngħidu aħna, fix-xjenza tal-istorja (l-istorjografija) bdiet tinuża biex tirreferi għal kwalunkwe ri-interpretazzjoni ta’ fatt storiku.

Illum, il-kelma hi l-aktar magħrufa f’dan is-sens. Ir-ri-interpretazzjoni li ssir minn xi storiċi ta’ fatt jew fatti storiċi ħafna drabi timplika li, fuq il-bażi t’evidenza ġdida, dal-fatti jingħataw viżjoni oħra li qabel ħadd ma kien jagħti kasha.

L-importanza

B’mod aktar ġenerali, ir-reviżjoniżmu jirreferi għal azzjoni li tqis mill-ġdid, terġa’ żżur, jew tirrevedi, xi pożizzjoni jew fehma li kellna qabel. Meta int jew jien, fuq il-bażi ta’ xi tagħrif ġdid li niksbu, nerġgħu nikkunsidraw il-fehma li kellna qabel u, b’riżultat t’hekk, nibdluha, allura nkunu rrevedejna dik il-fehma.

Minn hawn nistgħu malajr nifhmu li r-reviżjoniżmu huwa xi ħaġa importanti. Dan għaliex kulħadd jifhem li l-fehmiet tagħna ma jistgħux jibqgħu qishom miktubin fil-blat b’tali mod li ma jistgħu jinbidlu qatt. Il-fehmiet mhumiex dommi. Il-fehmiet jinbidlu skont tagħrif ġdid li niksbu u skont iż-żminijiet.

Ir-reviżjoniżmu kien jitqies ħażin meta xi fehmiet kienu jitqiesu assoluti u li ma jistgħu jinbidlu qatt b’ebda mod. Imma jekk aħna nqisu li ftit li xejn jeżistu fehmiet bħal dawn, jiġifieri li huma assoluti u immutabbli, allura naraw li r-reviżjoniżmu huwa tajjeb u saħansitra importanti. Jeħtieġ li nibqgħu dejjem nirrevedu l-fehmiet tagħna skont it-tagħrif ġdid li niksbu.

Il-ħtieġa

Dan jgħodd il-ħajja privata tagħna daqskemm fil-ħajja pubblika. Fil-ħajja privata ta’ kull wieħed u waħda minna jgħodd għax aħna qegħdin dejjem nitgħallmu mill-esperjenza, u l-fehmiet tagħna jiddependu ħafna fuq dan. Li jkollna l-umiltà li nibdlu l-fehmiet tagħna hija xi ħaġa li żżommna dejjem aġġornati, friski u miftuħa għal ideat u esperjenzi ġodda.

Fil-ħajja pubblika, jiġifieri fir-relazzjonijiet soċjali u politiċi tagħna, ir-reviżjoniżmu hu meħtieġ u importanti għax ebda teorija soċjali jew politika ma tibqa’ tapplika għal ħafna żmien jekk ma tagħtix kas u widen tal-bidliet kontinwi li jkunu qed isiru fis-soċjetà. Kull teorija soċjali jew politika trid tinbidel maż-żmien; trid tirrevedi l-pożizzjonijiet tagħha kontinwament.

Jekk dan ma jsirx—kemm fuq livell individwali daqskemm fuq livell komunitarju—il-fehmiet isiru staġnati u skaduti. Dan mhux biss ikun dannuż għall-individwi jew il-komunitajiet involuti direttament, iżda jista’ jġib ħsara kbira fis-soċjetà.

Ir-reviżjoniżmu għandu jkun regola, mhux eċċezzjoni, ta’ min irid ikun dejjem adatt għaż-żmien li fih qed jgħix.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?