L-indħil barrani fil-Venezwela

Aktarx ħadd ma jista’ jiċħad li l-President Nicolás Maduro ġab lil pajjiżu, il-Venezwela, għarkobbtejh. Aktarx ħadd ma jista’ jiċħad li l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem f’dal-pajjiż ġiet mill-agħar taħt it-tmexxija tiegħu. Aktarx ħadd ma jista’ jiċħad li s-sitwazzjoni teħtiġilha tinbidel. Madankollu, dan ma jfissirx li l-ġejjieni tal-Venezwela għandu jiġi determinat mill-indħil ta’ gvernijiet barranin.

Taqlib ikrah

Għaqdet bil-kbir il-qagħda f’dal-pajjiż ta’ 32 miljun ruħ tal-Amerika Latina, il-Venezwela, f’dawn l-aħħar ġimgħat. Is-sitwazzjoni ilha sejra lura sew minn mindu miet il-mexxej Hugo Chávez fl-2013 u l-elezzjoni ġenerali li saret wara. Ħafna sostnew li Maduro kien elett bi tagħbis u li ma kien il-President tal-pajjiż xejn.

Din l-akkuża kompliet tissaħħaħ meta l-ekonomija tal-pajjiż bdiet tmur mill-ħażin għall-agħar. L-inflazzjoni kibret, il-qagħad żdied, il-prezzijiet ta’ kull tip ta’ ikel sploda, u n-nuqqasijiet għall-ħtiġijiet tal-ħajja kibru. Ma’ dan kollu kompliet tikber ukoll il-vjolenza statali hekk kif il-ħakma istituzzjonali ta’ Maduro ssaħħet.

Kollox ma’ kollox wassal biex Juan Guaidó, il-President żagħżugħ ta’ 36 sena tal-Assemblea Nazzjonali, jiddikjara lilu nnifsu l-Aġent President sakemm isiru elezzjonijiet ġodda. Dan għandu l-appoġġ ta’ ħafna pajjiżi, inkluż l-Istati Uniti tal-Amerika u l-pajjiżi bażużżli tagħha fl-Amerika Latina.

Maskra t’opportuniżmu

Minkejja li ħadd ma jista’ jaqbel mal-inflazzjoni, il-vjolenza, il-qagħad u, insomma, il-miżerja li Maduro ġab lill-pajjiż, u ħadd ma jista’ jaqbel mas-setgħat dittatorjali li ħa f’idejh Maduro, lanqas ħadd ma jista’ jaqbel li l-ġejjieni ta’ pajjiż jiġi ddeterminat minn pajjiż ieħor kif, meta u b’liema mod ifettillu. Hekk donnha qed tagħmel l-Istati Uniti tal-Amerika u l-ħbieb tagħha, inkluż il-Gran Brittanja.

Għal min jiftakar is-snin tmenin f’Malta, allura jaf ukoll xi ħaġa fuq l-indħil barrani. Jaf kif dan kapaċi jiġi mpinġi bħala t-tarka tad-demokrazija u ċ-ċiviltà, tal-bon ordni u tad-dritt legali, meta ma jkun xejn għajr maskra għall-opportuniżmu u l-kilba għall-poter. Jista’ jkun ħażin li għamel Maduro, imma ħażin ukoll min qed jindaħal f’pajjiż ħaddieħor biex ikanta vittorja.

Ġimgħa ilu, fil-gazzetta The Guardian tal-Ingilterra dehret ittra ffirmata minn għad ta’ politiċi u nies oħra minn kull qasam tal-ħajja. Tgħidx kemm il-gvern Brittanniku tkaża biha! L-ittra kienet tgħid li, bl-indħil tagħha, l-Istati Uniti tal-Amerika ma tistax issolvi l-problemi tal-Venezwela. Dan l-indħil jista’ jkun diżastruż daqs dak li l-Amerika u sħabha għamlu fl-Iraq u l-Libja.

Jaqgħu f’nasba

Jidhirli li din l-ittra hi sensibbli. Ma tappoġġjax il-gvern ta’ Maduro jew xi sistema politika tiegħu; lanqas ma tappoġġja lil Guaidó meta dan ħadd ma jaf x’ħobż jiekol. Kulma tagħmel hu l-prinċipju li kull poplu għandu jitħalla jiddeċiedi hu l-ġejjieni tiegħu u ta’ pajjiżu. Ebda pajjiż barrani, bl-indħil tiegħu, m’għandu jieħu għalih innifsu dan il-jedd.

Il-Venezwela, li aktarx hi tabilħaqq l-aktar pajjiż sinjur fl-Amerika Latina, m’għandhiex issir art oħra fejn l-Istati Uniti tal-Amerika titħalla tagħmel pjazza minnha. Is-soċjaliżmu Venezweljan għandu mnejn mhuwiex perfett, imma dan ma jfissirx li jista’ jiġi xkupat minn gvern barrani biex jiġi jdoqq il-mużika tiegħu.

L-Istati Uniti u sħabha ilhom ħafna snin jipprovaw jagħmlu fil-Venezwela dak li ilhom ħafna jipprovaw jagħmlu f’Kuba u f’pajjiżi oħra tal-Amerika Latina, jiġifieri li jġibuhom sefturi tagħhom. Il-Venezweljani m’għandhomx jaqgħu f’din-nasba. Jekk jagħmlu hekk, għandhom mnejn jispiċċaw f’qagħda agħar minn dik li ġabhom fiha Maduro.

Le għad-dittatturi ta’ kull xejra! Le wkoll għal kull indħil barrani!



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?