Il-libertà tal-espressjoni

Qatt ma hu biżżejjed li nisħqu fuq il-libertà tal-espressjoni f’soċjetà demokratika. Għax fuq din il-libertà jistrieħ is-sens kollu li għalih soċjetà bħal din teżisti. Bagħbas mal-libertà tal-espressjoni, tkun xi tkun ir-raġuni jew l-iskuża, u tkun bagħbast max-xewka tad-dahar taċ-ċiviltà tagħna. Ebda demokrazija ma tista’ teżisti mingħajr il-libertà tal-espressjoni.

Trażżin qatt

Qatt m’hemm skuża tajba biżżejjed li għaliha, biha jew minħabba fiha għandha tintmess, jew jingħata l-impressjoni li qed tintmess, il-libertà tal-espressjoni ta’ kull ċittadin membru ta’ soċjetà demokratika. Ebda raġuni jew skuża ma hi jew tista’ tkun suffiċjenti. Qatt, qatt, qatt m’għandu ċittadin, hu min hu, jinżamm milli jesprimi lilu nnifsu kif irid, meta jrid, daqskemm irid u b’liema mod irid.

Dan għax l-istat demokratiku hu tiegħu. Mhux bil-kontra. Mhux iċ-ċittadini huwa tal-istat demokratiku. Le. Huwa l-istat demokratiku li hu taċ-ċittadin. U allura kull ċittadin, kull wieħed u waħda minna, għandna d-dritt sagrosant li nitkellmu kif, meta u għaliex irridu. L-istat demokratiku jeżistu għax jeżistu ċ-ċittadini; mhux bil-kontra. Hu ma jagħtihom xejn mill-kwalitajiet politiċi tagħhom; huwa huma li jagħtu kollox lilu.

It-tieni, għax l-istat demokratiku jeżisti għax teżisti l-libertà tal-espressjoni. Mingħajr din ma tistax teżisti l-oħra. Tissejjaħ proprju ‘demokrazija’ għax fiha ċ-ċittadini tagħha għandhom it-tmun f’idejhom; huma dawk li jiffurmaw is-sustanza u l-essenza tagħha.

Ebda trażżin

Jistgħu jinġiebu elf miljun skuża—jew raġuni, kif isejħulhom xi wħud—biex tiġi mbagħbsa l-libertà tal-espressjoni. Imma ebda waħda ma tgħodd; ebda waħda ma hi aċċettabbli mill-istess definizzjoni tad-demokrazija: li hi l-garanzija tad-dritta ta’ kulħadd li jkun fi stat li tappartjieni għalih.

Jista’ ċittadini jitkellem biż-żuffjett, jew bis-serjetà, jew bl-anzjetà, jew bil-ġenn, jew bl-arti, jew bis-silenzju, jew b’teatriċità, jew b’argumenti, jew pastaż, jew bl-ardit, jew bl-imprudenza ... hi x’inhi l-mod u l-manjiera li biha jesprimi lilu nnifsu, dana l-istat demokratiku jagħtih li jagħmlu bil-libertà kollha mingħajr trażżin ta’ xejn jew theddid ta’ xi kastig.

Bniedem, ovvjament, irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li jgħid. Mitt darba u elf. Imma mhux li jitrażżan. Mhux li jitwaqqaf. U, ċertament, mhux li jissikket. Demokrazija m’għandha qatt tagħmel dan, jew tagħti l-impressjoni li qed tagħmel dan, jew li taqbel miegħu, jekk ma tridx twaqqa’ l-għajb fuqha nnifisha u turi kemm hi fundamentalment bla sens.

Ebda ħsara

Ikun bla sens ngħidu li għandna naqblu ma’ kulma jingħad. Imma dan ma jneħħix ir-responsabbiltà sagrosanta ta’ kull wieħed u waħda f’soċjetà demokratika li niddefendu d-dritt ta’ kull ċittadin li jgħid dak li jrid, kif u meta jrid. Din hi d-demokrazija! Mhemmx demokrazija oħra li dad-dritt tiċħdu jew tbagħbas miegħu!

Jista’ ċitaddin ikun miġnun mija fil-mija. Jista’ ċitaddin ikun ardit u bżieq. Jista’ ċitaddin ikun imprudenti u oxxen. Dan ma jneħħilux id-dritt li jitkellem bil-libertà kollha, u lanqas ma jagħti d-dritt lill-awtoritajiet—huma min huma—li jneħħulu dak id-dritt. Dritt bħal dan ma jeżistix f’demokrazija.

Ftit hawn drittijiet aktar fundamentali mil-libertà tal-espressjoni meta niġu biex inqisu s-sustanza u l-essenza tad-demokrazija – hi x’inhi l-forma tagħha, mhux biss dik imħaddna fil-punent. Mingħajr dil-libertà, il-kunċett innifsu ta’ demokrazija jiġu vvizzjat u rredikolat. Apparti l-fatt li jiġu wkoll perikoluż.

Kulmin hu kkonċernat mit-tħaddim tad-demokrazija f’pajjiżna għandu d-dmir li jara li ebda ħsara ma ssir lil-libertà tal-espressjoni ta’ kull ċittadin. Ebda ħsara, lanqas l-iċken.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?