L-università ta’ Bormla

F’Jum il-Mara, ġimgħatejn ilu, fetħet uffiċjalment l-Università Amerikana ta’ Malta. Din, biswit Dock Numru Wieħed ta’ Bormla, tirrappreżenta l-akbar investiment li qatt sar fl-edukazzjoni fl-istorja governattiva f’Malta u Għawdex. Għal Bormla, għal Malta, għall-edukazzjoni, din kienet okkażjoni mill-isbaħ ... iżda li għal ħafna għadha mhijiex konvinċenti biżżejjed.

Bla ndiema

L-għada li saret iċ-ċerimonja sempliċi u sabiħa tal-ftuħ uffiċjali ta’ din l-università, ħsibt li l-gazzetti bl-Ingliż kienu se juru xi ftit tal-indiema. Dawn, fis-snin li għaddew, tgħidx x’ma qalux fuq din l-imbierka università, kemm taqtaq ilsienhom, u kemm sawtu lil dan u lill-ieħor minħabba fiha.

Dal-gazzetti, flimkien xi oħrajn bil-Malti tal-istess pezza tagħhom, qatt ma ħamlu li din l-università tara d-dawl f’pajjiżna. Il-kritika tal-ġurnalisti hi tajba. Ir-riċerka tal-ġurnalisti hi tajba. L-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti hi tajba. Imma mhux il-ħdura, il-preġudizzju u l-għira. Dawn mhumiex tajba. La fil-ġurnalisti u la f’ħadd.

Insomma, wara li kienu ilhom is-snin iħammġu dil-università u jgħidu kontriha, stennejt li l-għada tal-ftuħ uffiċjali tagħha dal-ġurnalisti u l-ġurnali juru xi ftit tal-indiema. X’indiema, indiema! Xorta waħda sabu xi jmaqdru. Lanqas waħda biss minnhom, fil-ftit spazju li taw lill-inawgurazzjoni uffiċjali, ma kellhom il-ħila u l-gazz li jgħidu mqar nofs sentenza pożittiva! Xejn. Għalihom kollox kien u baqa’ ħażin!

Degredazzjoni industrijali

Għalija din mhijiex irġulija. Dal-ġurnalisti misshom kellhom id-diċenza li, għall-anqas, jaraw imqar l-effett pożittiv li din l-università se tagħmel fuq Bormla u l-Kottonera. Fil-ftuħ li sar ġimgħatejn ilu, għal min bħali jaf kif kien id-Dock Numru Wieħed fl-imgħoddi, seta’ jara xi żvilupp tal-għaġeb—tal-għaġeb—sar hawnhekk, f’parti tant sensittiva ta’ Malta, u parti hekk vitali tal-Kottonera.

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, ma setax jolqot il-musmar atkar fuq rasu waqt il-ftuħ uffiċjali. Huwa ġustament fakkar f’dan meta, fost affarijiet oħra, qal hekk: “Fl-imgħoddi, ħlief minn degredazzjoni industrijali dan ir-reġjun [tal-Kottonera] ma batiex. Il-familji t’hawnhekk kulma raw ma’ wiċċhom kienu impjanti tal-elettriku, irziezet tal-ħut, impjanti għat-trattament tad-dranaġġ, impjanti għall-immaniġġjat tal-iskart, ... Għandu mnejn li kollha kienu meħtieġa, imma x’impatt kellhom fuq il-komunitajiet tagħna!”

Tabilħaqq. Però l-Prim Ministru ma semmiex kollox. Nesa l-‘grit blasting’, li minnu ġenerazzjonijiet fuq ġenerazzjonijiet fil-Kottonera batew minnu. Nesa wkoll isemmi t-tindif tat-tankijiet minn sustanzi tossiċi, li minnu wkoll il-Kottonera batiet lejl u nhar għal snin bla tarf.

Ulied il-Kottonera

Għamel wisq sewwa l-Prim Ministru li semma dat-tbatijiet, imma għamel wisq u wisq aqwa li, bis-saħħa ta’ kulmin kien involut, mexxa ’l quddiem dan il-proġett kbir edukattiv ġewwa l-Kottonera. L-impatt pożittiv tal-mijiet u l-eluf ta’ studenti barranin fuq il-lokalitajiet ta’ Bormla, il-Birgu u l-Isla, kif ukoll fuq dawk tal-madwar, se jkun fuq diversi livelli.

Dak li rajna jiġi varat uffiċjalment ġimgħatejn ilu hu biss il-bidu ta’ avventura li għandi fidi tkun sabiħa ħafna. Opportunità bħal din ftit kienu joħolmu biha. Issa li waslet u qiegħda fostna, jalla isir użu tajjeb minnha għall-ġid tal-ulied kollha tal-Kottonera. Il-bidla bdiet, u jalla tkompli għall-aħjar.

Min dan ma jaħmilx jarah, hu għajjur għan-nies tal-Kottonera, u ma jaħmilx jarahom ġejjin ’il quddiem, imma jħobb biss, bħalma sar għal ħafna għexieren ta’ snin, jarahom jinħaqru u jiġu stmati mill-agħar. Dan mhuwiex se jibqa’ jsir. Ir-riġenerazzjoni bdiet bis-serjetà u fit-tul.

Alla jberikha ħalli tissokta!


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?