M’aħniex ħielsa!

“La aħna ħielsa u lanqas m’hawn xi moviment favur il-ħelsien.” Din kienet is-sustanza ta’ dak li qal Dr Alfred Sant f’laqgħa li jien attendejt dil-ġimgħa li għaddiet. Għalkemm din l-istqarrija tidher sorprendenti, jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit fuqha, malajr jintebaħ li hemm verità fiha aktar milli xi wħud minna lesti li nammettu.

Taħt Brussell

Illum, f’Jum il-Ħelsien, erħilhom xi wħud jagħmlu l-isbaħ diskorsi li kapaċi joħorġu minn fommhom; diskors imqanqlin b’patrijottiżmu jaħraq u jbaqbaq; diskorsi li jġegħluk tħossok kburi li inti Malti ħieles. Imma fihom sugu dad-diskorsi? Jew huma ħafna arja vojta li ma tfisser xejn fil-konkret? Tassew aħna ħielsa? Jew taparsi?

Jekk noqogħdu fuq il-kliem ta’ Dr Alfred Sant, għandna għalfejn ninkwetaw. F’laqgħa ta’ diskussjoni li saret dil-ġimgħa, nhar il-Ħamis li għadda, organizzata l-Belt mill-fergħa tat-tagħrif tal-Partit Laburista, SKS, Sant saħaq li mhux veru aħna ħielsa llum, u mhux veru jeżisti xi moviment favur il-ħelsien ta’ pajjiżna!

Għala jgħid hekk? Jgħid hekk għax jaf x’inhu jgħid. Għax bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u wieħed mill-aħjar, jekk mhux l-aħjar nett, li għandna, jaf kif inhuma l-affarijiet. Jaf, ngħidu aħna, li Malta rabtet ilħitha ma’ Brussell, u rieda tagħha ma fadlilhiex wisq f’materji li huma l-aktar importanti jew li l-aktar jgħoddu.

Ħelsien fil-konkret

Ma’ Sant f’dil-laqgħa kien hemm żewġ kelliema oħra, li kienu Mark Camilleri u l-Professur Henry Frendo. Dawn huma storiċi, imma t-tnejn donnhom qablu ma’ Sant meta huma wkoll saħqu li l-ħelsien ma jfissirx biss li jkollok karta x’turi li għandna l-ħelsien. Il-ħelsien, jekk mhuwiex ħelsien tabilħaqq fil-prattika u bil-konkret, ma hu ħelsien xejn.

Sa minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, morna tajjeb f’ħafna oqsma tal-ħajja soċjali, kulturali, ekonomiku u politika tagħna. Ħafna flus li l-iskop tagħhom huma li jgħinu pajjiż jimxi ’l quddiem, ħadnihom u xi ftit jew wiżq użajnihom tajjeb għall-ġid ġenerali tal-poplu.

Imma mil-lat ta’ awtonomija fid-deċiżjonijiet f’diversi oqsma tal-politika interna u barranija tagħna ma jidhirx li morna tajjeb daqskemm xtaqna. Brussell tisserdaq fuqna u bosta draba sa tikkmandana. Ħafna jgħidu li dan mhuwiex minnu, imma oħrajn, aktarx aktar onesti u fattwali, jgħidu ċar u tond li, meta ċedejna biċċa mis-sovranità tagħna, ċedejna biċċa—għall-anqas biċċa—mill-ħelsien tagħna.

Inter-dipendenza

Mela għal min jgħid—għandu mnejn bħal Dr Sant—li ħielsa m’aħniex, xejn, jista’ wieħed iwieġeb li dan mhuwiex minnu għal kollox. Biċċa ħelsien għandna. Il-ħelsien tagħna hu relattiv. Imma, jista’ wieħed jistaqsi, meta mhuwiex relattiv il-ħelsien? Jista’ xi ħelsien ikun sħiħ? Aktarx qatt.

Ukoll fil-31 ta’ Marzu tal-1979, f’dak l-aħħar jum tal-preżenza tal-barrani, ukoll f’dak in-nhar il-ħelsien tagħna kien relattiv. Għax, tabilħaqq, il-ħajja ta’ nazzjon ma tistax ma tiddependix fuq dik ta’ ħaddieħor. Ilkoll ninsabu f’baħar wieħed. Il-ħelsien dejjem jiġi bil-qies.

Illum ukoll, il-ħelsien tagħna hu relattiv, mhux għas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, imma wkoll għall-politika tal-pajjiżi tal-Mediterran u ta’ pajjiżi oħra fil-qrib u fil-bogħod. Ħadd ma jista’ jkun maqtugħ mill-bqija tal-umanità. Anzi, jien ngħid li dan hu s-sabiħ tal-ħajja tagħna: li xi ftit jew wisq ma nistgħux ma niddependux fuq ħaddieħor, u ħaddieħor fuqna.

Hekk hi l-ħajja umani ta’ kull wieħed u waħda minnu, u hekk hi l-ħajja tan-nazzjon tagħna.


Ktieb li m'għandux jonqos mil-librerija tiegħek!
(Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt u ordna!) 

https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Annimali domestikati u nies oħra (6)

Il-GB tibqa’ ġewwa

Humiliating and shameful