Il-ħniena lis-sid

Fl-innu nazzjonali li Dun Karm kiteb fl-1921, bħala parti mit-talba lil Alla, fit-tieni strofa daħħal il-kliem, “Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa ’l-ħaddiem”. Huma kliem li mhux dejjem għoġbu lil kulħadd. Fis-sebgħinijiet, meta l-istat soċjalista kien qed jiġi f’tiegħu, kien hemm min fl-entużjażmu tiegħu ried ibiddilhom. “Ma kienx hemm għalfejn,” irraġuna, “li nibqgħu nitolbu li s-sid ikollu ħniena, għax issa,” kompla jsostni, “l-istat se jara li l-ħaddiem jitħares minn min jista’ jisfruttah”. Sfruttament Għalkemm din hi xewqa sabiħa—jiġifieri li kull ħaddiem ikun imħares kif imiss minn min jita’ jisfruttah—qatt ma jista’ wieħed jgħid li għandu rasu mistrieħa minn dan il-lat. Iva, għadna sal-lum naraw u nisimgħu b’ħaddiema sfruttati ... jekk mhux ħaddiema Malta, jista’ jkun ħaddiema barranin. Xorta waħda ħaddiema jibqgħu. Hawn min f’Malta u f’Għawdex qed jisfrutta l-ħaddiema barranin bħallikieku kienu anqas minn ħaddiema oħra fil-ġieħ, id-dinjità u l-istat legali. Dan huwa abbuż. ...