Hu possibbli soċjalista liberali?

Spiss nisimgħu lil min jitħaddet fuq is-soċjaliżmu liberali bħallikieku kulħadd jifhem fuqiex qed nitkellmu. Anzi, issir ’il min bħal donnu jiftaħar li hu soċjalista liberali, bħallikieku s-soċjaliżmu waħdu mhuwiex biżżejjed, u jrid il-liberaliżmu miegħu biex joqgħod fuq saqajh. Dan kollu jassumi, evidentement, li s-soċjaliżmu u l-liberaliżmu, għalkemm huma żewġ tipi ta’ essri diversi ħafna minn xulxin, jistgħu jmorru flimkien. Tassew jistgħu? Jien jidhirli li le, ma jistgħux, u min iġibhom flimkien qed igerrfex.

Jgħarraq lil ħaddieħor

Ħa nibda’ bil-liberaliżmu. X’inhu dan? Huwa t-tikketta li l-konservattivi jagħtu lill-ġenerosità tagħhom. Dil-ġenerosità tieħu ħafna għamliet, minn pura u sempliċi karità, sa benefiċċji soċjali, sussidji, għajnuniet bil-ħlas tat-taxxa, u kull sura ta’ benevolenza oħra.

Fi kliem ieħor, il-liberaliżmu huwa l-eċċezzjoni li l-konservattiviżmu jippermetti għalih innifsu. Għala dan? Għax iħobb lil min jurih il-ħniena tiegħu? Għax qalbu taħraq għall-ugwaljanza soċjali? Għax jemmen fid-dritt tal-ġnus u l-individwi? Le! Xejn minn dan! Jagħmlu għax iħobb lilu nnifsu!

Il-liberaliżmu xejn ma jagħti minn dak li hu tiegħu. Jagħti minn dak li hu ta’ ħaddieħor ... biex il-qligħ li jsir jieħdu hu. Xejn ma jagħmel il-konservattiv b’riżq ħaddieħor. Kulma jagħmel, jagħmlu b’riżqu stess. Hekk ukoll il-liberaliżmu tiegħu. Jippermettih għax igawdi minnu hu ... waqt li, fir-realtà, bil-benevolenza kollha tiegħu, ikun qed jgħarraq lil min jurih il-ħniena tiegħu.

Mibegħda tas-soċjalisti

Is-soċjaliżmu m’għandux XEJN minn dan! Is-soċjaliżmu ma jemminx fl-elemożina. Ma jemminx fil-karità. Ma jemminx fil-benefiċċji, is-sussidji, l-għajnuniet u l-benevolenzi l-oħra li jżommu lin-nies fi stat ta’ dipendenza permanenti. Is-soċjaliżmu jemmen fl-ugwaljanza tan-nies, u jrid biss li jerfa’ lil min hu mgħaffeġ mill-ħażen u l-egoiżmu tal-ispekulaturi u l-kummerċjantilisti.

Ma jistax is-soċjaliżmu jkun ħabib tal-liberaliżmu. Huma kontradittorji għal xulxin. Huma, fil-fatt, f’konfront ta’ xulxin. Għax, filwaqt li l-liberaliżmu jikkonferma u jsaħħaħ l-inġustizzji, is-soċjaliżmu jiġġieled u jitqabad kontrihom. Filwaqt li l-liberaliżmu jpaxxi lil min hu ivvantaġġjat, u jgħarraq dejjem aktar lil min mhux, is-soċjaliżmu jfittex li ħadd ma jgħarraq lil ħadd.

Hu għalhekk li l-liberalisti jobogħdu lis-soċjalisti ... anki jekk xi kultant jużaw isimhom. Imma jużaw isimhom għax iridu joħolqu paraventu li warajh jistaħbew biex isalvaw wiċċhom u l-għajb tagħhom. Għax il-liberaliżmu m’hu xejn għajr maskra tal-konservattiv, gidba ta’ dnubu.

Ma jeżistix

Min jgħid li hu soċjalista liberali, jew ma jafx x’inhu jgħid, jew irid iqarraq. Is-soċjalista ma jistax ikun liberali, daqskemm min hu sempliċiment liberali jista’ jkun soċjalista. Il-prinċipji soċjalisti mhumiex kwestjoni ta’ kemm bniedem jista’ jkun liberali bil-ġid. Dal-prinċipji jridu jeqirdu l-ħtieġa ta’ dil-liberalità faċċola u ipokrita.

Il-konservattiv jagħmilha tal-liberali biex ma jintinx. Il-liberaliżmu tiegħu hu bħal fwieħa li jitfa’ fuq ħmieġu. Hu liberali biex jgħaddiha tat-tajjeb u l-ħanin. U għalhekk sa jasal biex jgħid li hu soċjalista. Għax jistħi minnu nnifsu, u b’hekk juri dak li mhux, biex jaħbi dak li hu.

Min hu soċjalist ma jaħbi xejn, u ma jistħi minn xejn. Ismu hu sabiħ kif inhu. Lanqas m’għandu għalfejn jilagħba ta’ xi ħaġa oħra—liberali, ġeneruż, karitattiv, benevolenti, ħanin, u l-bqija—għax dak li hu huwa biżżejjed biex dawn kollha jissuperahom b’valuri ferm aqwa u aktar safja.

Is-soċjaliżmu liberali ma jeżistix ħlief f’moħħ min tilef l-identità tiegħu. Ikun aħjar li jsib lura t-triq milli jipprova jpinġi mappa ġdida.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?