Il-ksuħat tal-K.I.S.


Għal min ma jafx, il-K.I.S. hija l-kumpanija li, fost affarijiet oħra, tieħu ħsieb il-parkeġġ tal-isptar Mater Dei. Xi tfisser ‘K.I.S.’ ma nafx, għax ma stajt insibha mkien. Dil-kumpanija ħadet il-kuntratt ta’ dal-parkeġġ f’Awwissu li għadda, u mill-ewwel bdejna bil-problemi. L-ispeċjalizzazzjoni tal-K.I.S. hija l-ikklampar tal-vetturi.

Problemi lil kulħadd

Dan l-aħħar, xi ħadd għaref fil-kumpanija qatagħha li juri snienu mal-muturi. Ma’ kullimkien madwar l-isptar tweħħlu tabelli bħal din li tidher hawnfuq. Meta ngħid kullimkien, nifhem kullimkien: tabelli bħal dawn il-bogħod minn xulxin ftit piedi. Qaluli li kuljum jgħaddi xi uffiċjal tal-K.I.S. biex jara liema sewwieq ta’ xi mutur fettillu jisfida lill-kumpanija.

S’issa, għall-muturi tħalliet biss biċċa bankina maġenb id-dħul tal-parkeġġ ta’ taħt l-art tal-isptar, fejn, bil-folla li jkun hemm matul il-jum, il-muturi ma jistgħux jagħmlu mod ieħor għajr li jibblokkaw lil xulxin. Fejn qabel kien jiġu pparkjati l-muturi ma kien jagħti assolutament fastidju lil ħadd. Minħabba li kien ħafna spazji bħal dawn fejn il-muturi setgħu jipparkjaw, ma kien hemm imkien fejn jinġabru għadd kbir ta’ muturi f’salt.

Issa, b’dat-tabelli, lanqas jistgħu jiġu pparkjati ħdejn l-Iskola Medika jew fuq barra tal-Day Care Centre, li jiġi fuq in-naħa opposta tad-dħul ewlieni tal-isptar. Dan ifisser li l-istudenti jridu jipparkjaw seba mili ’l bogħod mill-klassijiet tagħhom meta qabel il-muturi tagħhom ma kienu jagħtu fastidju lil ħadd. Il-professjonisti li jridu jagħti servizz f’daż-żewġ postijiet, bħali, ukoll iridu jagħmlu l-istess.

Restrizzjonijiet bla bżonn

Jien diġà għamilt l-ilment tiegħi fuq dawn it-tabelli inkejjużi, bla bżonn u stupidi lill-kumpanija nnifisha. Bħalma aktarx stennejt, bqajt ma ngħatajt ebda sodisfazzjon jew imqar tweġiba għall-ilment tiegħi. Tkellimt ukoll ma’ ħaddiema tal-K.I.S. u dawn fil-biċċa l-kbira tagħhom qablu miegħi li dat-tabelli kontra l-ipparkjar tal-muturi kienet ksuħat ta’ xi ħadd li jrid juri kemm hu bravu.

Suppost, safejn naf jien, il-pajjiż għandu politika li jħeġġeġ l-użu tal-muturi bħala parti mill-istrateġija biex titnaqqas il-konġezzjoni tat-traffiku. Imma meta għandek kumpanija bħall-K.I.S. f’post daqshekk sensittiv għall-isptar tagħmel ksuħat bħal dawn, wieħed irid jitħasseb fuq l-intenzjoni għala l-klijenti u l-viżitaturi tal-isptar jiġu urtati għalxejn b’dan il-mod.

Iva, insejjaħ ‘ksuħat’ azzjoni bħal din, għax m’hemmx bżonnha. Il-muturi ma kienu qed joħolqu problema lil ħadd, ma kienu qed joħolqu ebda inkonvenjent, u ma kienu qed jagħtu fastidju lil ħadd. Mela għada dat-tabelli u dal-miżuri drastiċi daqshekk.

Ir-responsabbli

Jien ma nafx is-Sur Sayed Mohayyuddeen S. Ibrahim, is-sid tal-K.I.S., jafx b’dal-ksuħat, jew jafx is-Sur Luke Camilleri, l-assistent Malti fl-istess kumpanija. Imma jidhirli li, li kieku kienu jafu, żgur li kienu joġġezzjonaw li l-kumpanija qed toħloq problemi għalxejn u bla bżonn għal nies li ma jiġux l-isptar biex jagħmlu xalata.

Lanqas ma naf huwiex informat il-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Chris Fearne, dwar din il-miżura li qed toħloq tant odju bla bżonn fin-nies li jaħdmu, jistudjaw jew iżuru l-isptar Mater Dei. Jidhirli li hu wkoll, li kienu jkun jaf, jara li dal-ksuħat jispiċċa.

Li żżomm l-ordni hi ħaġa bżonnjuża, imma li ddejjaq in-nies għalxejn mhijiex la għaqlija, la ċivili u lanqas xierqa. Flok il-K.I.S tagħmel tabelli ta’ theddid mal-isptar kollu, kien imissha tagħmel tabelli fejn turi biċ-ċar li l-muturi huma milqugħa li jipparkjaw fejn ma jagħtu fastidju lil ħadd.

Jekk il-K.I.S. trid tagħmel xogħolha tajjeb, m’għandha titkessaħ ma’ ħadd.



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?