Il-ħtija Musulmana

Fil-ġimgħa tal-Għid il-Kbir, xi wħud għoġobhom jinqdew b’żewġ avvenimenti biex juru l-preġudizzji tagħhom kontra nies ta’ twemmin Musulman. Il-ħruq tal-katidral ta’ Notre-Dame ta’ Pariġi, u l-bombi fil-knejjes tas-Sir Lanka, ġew meħudha bħala permess biex isir tixwix kontra l-Musulmani. Filwaqt li jikkundanna tixwix bħal dan, wieħed għandu jipprova jifhem xi ftit għala jsir, u għala m’għandux isir.

L-istejjer

Iż-żewġ stejjer kienu biss ħamest ijiem il-bogħod minn xulxin. Il-katidral ta’ Pariġi nħaraq it-Tlieta, 16 t’April, u l-bombi fi Sri Lanka saru l-Ħadd ta’ wara, 21 tax-xahar. Però, din l-aħħar data kienet il-jum tal-Għid il-Kbir, l-akbar festa fil-kalendarju nisrani li tiċċelebra l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt.

It-tieni storja aktarx tista’ tintlemaħ fiha rabta mal-Musulmani aktar mill-oħra. Dit-tieni storja, jiġifieri fejn għadd ta’ bombi tqiegħdu fi knejjes waqt li l-insara kienu miġbura, jista’ jingħad li nħolqot minn estremisti Musulmani direttament involuti fil-ħerba tal-waħx, b’kważi 300 mejta, li rriżulta mill-bombi.

L-ewwel storja, il-ħruq tal-katidral f’Pariġi, ġiet marbuta mal-Musulmani wara li bdew isiru allegazzjonijiet li seta’ kien hemm xi Musulmani involuti fl-inċident. Dal-allegazzjonijiet qajmu ħafna spekulazzjonijiet fuq kif beda n-nar u għala seta’ kienu nvoluti fih il-Musulmani.

Il-mibegħda

Bla dubju, daż-żewġ stejjer huma t-tnejn koroh ħafna. Kemm il-qtil ta’ nies innoċenti, manifestament għax huma nsara, kif ukoll il-ħruq tal-katidral ta’ Notre-Dame, evidentement simbolu tal-Kattoliċiżmu u ċ-ċiviltà tal-punent, jistgħu jitqiesu simboliċi għal sfida li trid tmur ferm aktar lil hinn mill-inċidenti nfushom.

Xi wħud dan rawh. Raw ukoll ir-rabta mal-Musulmani. Ikkonkludew li hawnhekk għandhom xi tip ta’ gwerra li l-Musulmani qed jagħmlu lill-punent b’mod ġenerali u lill-Insara b’mod partikulari. Dil-konklużjoni bdiet, ovvjament, għadd ta’ messaġġi ta’ mibegħda għall-Musulmani u għall-Islam b’mod ġenerali.

Fl-aħħar ġimgħatejn, waqt li naħa twieġeb lill-oħra, il-livelli ta’ mibegħda baqgħu dejjem jiżdiedu hekk kif il-paroli żejjed kompla jqajjem aktar paroli żejjed. Ħafna nies, speċjalment fil-‘mandraġġ’ preferit tal-lum, jiġifieri l-hekk imsejħa l-‘midja soċjali’, sfogaw l-għadab, il-preġudizzji, l-injoranza u l-mibegħda tagħhom għal ‘tan-naħa l-oħra’.

L-iskuża

Dat-titli mhux qed nagħżilhom bl-addoċċ. Għax, jekk wieħed segwa ftit il-kliem li nkiteb u ngħad f’dawn l-aħħar ġimgħatejn minn dawn l-inċidenti, wieħed jasal biex jaqbel miegħi li huma l-aħjar li jiddeskrivu s-sentimenti ta’ dawk li espremew irwieħhom b’dal-mod.

Iż-żewġ stejjer kienu sempliċiment skuża għat-tgħajjir. L-ewwel nett, għax għadd ta’ Musulmani għamlu xi ħaġa ħażina, m’għandux jeħel kulħadd. It-tieni, ukoll jekk il-Musulmani kollha ta’ xi post, għall-argument, huma ħżiena, ma jfissirx li l-Islam huwa ħażin. Bosta, injoraw dar-regoli elementari tar-raġunar korrett.

Spiss jiġri li bosta nies, mhux jemmnu fuq l-evidenza li jkollhom. Le. Bil-kontra, jipprovaw isibu evidenza ta’ dak li jemmnu. Xi wħud, ma jaraw xejn tajjeb fl-Islam u l-Musulmani, u għalhekk iridu jsibu evidenza għal dil-fehma tagħhom. Iż-żewġ stejjer, ta’ Pariġi u ta’ Sri Lanka, jagħmlu parti minn din l-evidenza li taparsi għandhom.

Id-dmir

Koroh kemm huma koroh dal-istejjer, m’għandhomx ikunu skuża biex xi ħadd irewwaħ il-mibegħda tiegħu għal ħaddieħor. Aħna lkoll, jien l-ewwel wieħed, għandna d-dmir li nikkumbattu u nmiegħru lil kulmin jinqeda b’dawn l-iskużi biex joskura lil ħaddieħor.

Dan huwa d-dmir ta’ kull min għandu mnaq uqiqa deċenza fih. Huwa d-dmir ta’ kulmin, f’kull sitwazzjoni, irid iżomm rasu fuq għonqu, u ma jħallix id-demm tiegħu ibaqbaq għalxejn u fil-vojt.

Kif qal darba xi ħadd: għandna nfittxu dejjem dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna.



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?