Il-perfezzjoni u l-kaos

Il-ħajja hi dik li nagħmluha aħna. Ilkoll kemm aħna jiġuna ma’ wiċċna l-problemi, ħafna żgħar, imma xi kultant kbar ukoll. Jiddependi ħafna minna nfusna x’nagħmlu b’dal-problemi: inħaffux jew intaqqlux is-soluzzjoni tagħhom; jew, jekk ma jkollhomx soluzzjoni, ngħixux kuntenti jew imdejqin bihom. L-attitudni li nieħdu tagħmel id-differenza kollha.

Espressjoni kurjuża

Ftit ilu kont qed nara film daqxejn antik (bħali), u fl-istorja kien hemm bħal speċi ta’ diżgwid bejn tnejn min-nies. Ma setgħux jaqblu bejniethom għaliex l-attitudni tagħhom lejn il-ħajja kienet differenti. Ħin minnhom, wieħed mill-atturi donnu ntebaħ x’kienet l-imma li tofroqhom u pprova jfisser kif. Il-kliem tiegħu laqatni ħafna u xtaqt naqsmu miegħek hawnhekk.

Dan l-attur stqarr li n-nies jieħdu attitudnijiet differenti minn xulxin fil-ħajja għax, meta jirraġunaw, jibdew minn punti differenti. Ir-raġunar ta’ xi wħud huwa “mill-perfezzjoni ’l isfel”; ta’ oħrajn, “mill-kaos ’il fuq”. Bl-Ingliż kienet hekk: “From perfection downwards; from chaos upwards”.

Kif nifhimha jien, tal-ewwel huwa l-mod ta’ kif jirraġunaw il-pessimisti. Dan għax jaħsbu li l-ħajja suppost hi perfetta, imma ma jaraw perfezzjoni mkien; jaraw biss kaos. Din l-attitudni ma tħallihom qatt ikunu pożittivi dwar il-ħajja, għax dejjem jaraw l-ikreh madwarhom, dejjem jaraw id-difetti u n-nuqqas ta’ perfezzjonijiet.

L-ottimisti

Min-naħa l-oħra, l-ottimist jibda mill-kaos li jara madwaru u jqis kif jista’ jsir biex dal-kaos jersaq aktar lejn il-perfezzjoni. L-ottimist jibda mir-realtajiet li jsib, imma ma jinsiex li dejjem hekk lok ta’ titjib. Il-perfezzjoni ma tintlaħaq qatt; imma nistgħu dejjem ngħaddu lejn pożizzjonijiet li huma aħjar minn ta’ qabilhom.

Għalkemm did-differenza bejn il-pessimisti u l-ottimisti aktarx kont nafha, qatt ma sibt lil min poġġiha fil-qafas tal-kunċetti tal-perfezzjoni u l-kaos; u lanqas fid-‘direzzjoni’ li bih il-moħħ jaħseb. Kien għalhekk li l-espressjoni li semmejt hawn fuq—“mill-perfezzjoni ’l isfel; mill-kaos ’il fuq”—sibha interessanti u oriġinali.

Din l-espressjoni ma nafx min ħareġ biha, imma nħoss li tesprimi ħafna mill-attitudnijiet bażiċi ta’ nies li niltaqa’ magħhom lejn il-ħajja. Issib nies li donnhom jogħxew jaqtgħu qalb lilhom infushom; oħrajn li, tagħmlilhom x’tagħmlilhom, jitbissmu kienu u jitbissmu jibqgħu.

Nagħmlu l-qalb

L-attitudnijiet tal-irraġunar tagħna huwa importanti ħafna għall-umur li jkollna. Il-ħajja hi l-istess għal kulħadd, imma mhux kulħadd iqisha bl-istess mod. Din hi d-differenza bejn min iħoss il-ħajja itqal milli hi jew iħossha eħfef. M’għandniex xi ngħidu, aħjar tat-tieni milli tal-ewwel. Għax dawn jinqatlu bl-inkwiet żejjed filwaqt li l-oħrajn jinkeddew ħafna anqas.

Tippretendi qatt li l-ħajja xi darba kienet, hi jew tista’ qatt tkun perfetta. Bħalma jgħidu xi wħud: Il-perfezzjoni fis-sema biss qiegħda. Il-ħajja hi li hi: mimlija problemi li rridu nsolvuhom. Anzi, il-ħajja HI problemi li rridu nsolvuhom. U bil-kontra jgħodd ukoll, jiġifieri: Fejn mhemmx problemi x’jissolvew, mhemmx ħajja.

Il-ħajja hekk sabiħa. Xi wħud jarawha kerha għax fiha l-problemi. Imma le, jien naraha sabiħa MINĦABBA l-problemi. Dawn jagħtuha l-kulur, l-eċċitament, il-varjetà, il-polifonija. Jiddependi ħafna minna, mill-mod kif naħsbu, jiġifieri nibdewx mill-istennija tal-perfezzjoni jew tal-kaos, li l-ħajja jilgħabx għar-regoli tagħna jew aħna niżfnux għall-mużika tagħha.

Ħadd ma jista’ jkollu ħajja bla problemi. Imma kulħadd jista’ jagħmel il-problemi eħfef jew itqal milli huma. Dan jiddependi minna. Bħalma minna wkoll jiddependi nħallux il-ħajja tagħtiniex gost jew le. Ma jiswa għal ħadd li joqgħod idejjaq lilu nnifsu u jmarrad lilu nnifsu; jiswa biss li nagħmlu l-ħajja tagħna, hi kif inhi, sabiħa billi naħdmu b’dak li għandna f’idejna, nagħmlu l-qalb lilna nfusna u nħallu s-sbuħija taħkimna.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?