Il-politika tas-servizz

Illum il-politika trid issib spazji dejjem ġodda biex toffri servizzi aħjar kemm lill-poplu lokali kif ukoll lill-barranin li jżuru l-inħawi. Dan hu żmien is-servizzi. Ir-raġuni ewlenija hija li kemm il-poplu lokali kif ukoll il-barranin li jżuruh huma xi ftit jew wisq nies li għandhom sold taħt rashom u jridu ħajja ta’ kumdità hienja.

Il-bidu tas-sebgħinijiet

Il-poplu tagħna beda jħoss sewwa l-ħtieġa għas-servizzi f’nofs is-snin sebgħin meta l-politika tal-gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff kien irnexxielu jibda jgħolli l-livell tal-ħajja tan-nies. Qabel, għalkemm il-poplu Malti u Għawdxi ma kienx eżattament qed imut bil-ġuħ, lanqas ma kien qed jgħix fil-lussu jew kien f’pożizzjoni li jagħmel kapriċċi kbar.

Dal-istat ta’ bejn faqar serju u ċertu grad ta’ lussu jidhirli li dam tul is-snin sittin. F’dan iż-żmien is-servizzi ma kinux l-aktar għall-Maltin u l-Għawdxin imma għat-turisti li bdew iżuruna f’għadd dejjem akbar. Il-poplu Malti, però, kien għadu qed jitqabad mal-ħajja u kien għadu qed jara kif ilaħħaq mal-aktar affarijiet bażiċi.

Is-sebgħinijiet biddlu dan kollu. Bil-benefiċċji li l-gvern beda jagħti, biż-żidiet fil-paga u bit-tkattir tal-impiegi, il-poplu Malti u Għawdxi beda joħroġ mill-urġenza tal-mument u seta’ jibda mhux biss jagħmel xi kapriċċ għali, bħal jixtri dar, isiefer jew jonfoq waħda tajba, imma wkoll iġemma xi ħaġa wkoll.

Valuri ta’ kwalità

F’dan iż-żmien, il-gvernijiet bdew jaħsbu għal aktar minn sempliċi għajnuna lill-poplu biex ilaħħaq mal-ħajja. Minn nofs is-sebgħinijiet jew, l-aktar l-aktar, mill-bidu tat-tmeninijiet, il-poplu tagħna kien wasal fi stat li jibda jiffoka aktar fuq il-kwalità tal-ħajja. Għalhekk ried servizzi aħjar. Issa dawn ma kinux biss għat-turisti — speċi ta’ lussu għall-barrani — imma saru ħtiġijiet ta’ kuljum.

Dan biddel ukoll il-politika għax il-gvern kellu joħloq aktar impjiegi ta’ servizz milli mpjiegi t’għajxien, bid-differnza li tal-ewwel huma anqas impenjattivi fiżikament u aktar mentalment, mentri tat-tieni huma bil-kontra. Illum issib li dawn tal-aħħar aktar jagħmluhom il-barranin li jinsabu fostna milli l-Maltin. Il-Maltin u l-Għawdxin draw, għall-anqas f’dawn l-aħħar erbgħin sena jew ftit anqas, jgħix komdu u ħajja ta’ kwalità.

Ovvjament, dan mhuwiex ħażin. Anzi. Madanakollu jfisser li l-gvern innifsu ma baqax aktar wieħed b’attitudni ta’ pijunier li joħloq l-opportunitajiet ta’ xogħol u drittijiet; issa sar aktar ta’ stil maniġerjali u tekniku li xogħolu hu aktar li jamministra kif jixraq u b’mod xieraq is-servizzi offruti lill-Maltin u l-barranin.

Obbligu lejna

Dal-mument fl-istorja tagħna, għalhekk, jista’ jissejjaħ ‘post-materjalista’ għax il-poplu tagħna m’għadux, bħalma kien sal-bidu tat-tmeninijiet, jaħseb biex jissodisfa l-ħtiġijiet materjali tiegħu. Kemm fis-snin ta’ qabel l-Indipendenza u kemm wara sal-bidu tas-sebgħinijiet, hekk kien jagħmel il-poplu tagħna b’urġenza xi ftit jew wisq dejjem anqas.

Mill-bidu tas-sebgħinijiet ’il quddiem, l-istorja bdiet tinbidel sew. Il-poplu beda jħossu jissodisfa dejjem aktar il-ħtiġijiet materjali tiegħu u, għalhekk, beda bil-mod il-mod ifittex li jissodisfa ħtiġijiet ġodda li ma kellhomx l-urġenza materjali ta’ qabel. Issa beda jfittex valuri aktar post-materjali, jiġifieri valuri ta’ kwalità u ta’ servizz. Dal-ħtiġijiet baqgħu dejjem jikbru.

Illum il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin trid tiġi mħarsa sewwa. Mhux biss m’għandux ikun hemm min jerġa’ lura għall-urġenza materjali ta’ qabel, imma l-livelli ta’ kwalità u servizz li lħaqna m’għandhomx jintilfu. Dan jista’ jiġri f’nuqqas ta’ għaqal fl-iżvilupp li, biex iħares il-ġid, jagħmel il-ħsara. Il-politika tas-servizz għandha dan l-obbligu lejna lkoll.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?