L-antigoverniżmu vizzjat

L-oppożizzjoni għall-gvern tal-ġurnata—għal kull gvern tal-ġurnata—hija ħaġa tajba f’demokrazija. Tajba u b’saħħitha. Hija sinjal ta’ ċittadini ħajjin, ta’ attenzjoni politika. Iżżomm ukoll lill-gvern fuq ix-xwiek. Iżda meta l-oppożizzjoni ssir b’motivazzjonijiet partiġġjani, ma tibqax aktar ta’ fibra, għax tkun ivvizzjata. Il-partiġġjaniżmu jeqred sa l-isħaħ, l-isbaħ u l-oħla kawża li qatt tista’ teżisti fid-dinja.

Protesti inkoraġġiti

Dan mhuwiex kummentarju kontra l-protesta konsiderevoli li saret ftit ilu għall-ħarsien tas-siġar. Anzi. Hija favur dik il-protesta jekkemmildarba dawk li ssieħbu fiha m’aġġixxewx b’mod partiġġjan. Naf li kien hemm xi wħud li hekk għamlu; lil dawn ma nqishomx protestaturi ġenwini jew ukoll onesti. Inqishom opportunisti. Għax jinqdew b’kollox ħalli jsawtu l-gvern. Għalhekk għemilhom hu ivvizzjat, diżonest u ikrah.

Il-ħafna oħrajn, però, li ssieħbu fil-protesta irrispettivament jekk hemmx dan il-gvern jew ieħor, nies li setgħu ssieħbu wkoll f’protesti simili fi żmien in-Nazzjonalisti, huma ta’ min ifaħħarhom. Għandu mnejn li s-sehem tagħhom tħallat u tgerfex ma’ nies partiġġjani u, għalhekk, għajjeb xi ftit il-ġenwinità tal-oħrajn. Iżda jibqa’ l-fatt li l-intenzjoni tagħhom kienet u tibqa’ tajba.

Il-protesti antigovernattivi, speċjalment meta l-messaġġ ġenerali tagħhom (anki jekk partiġġjan) ikun wieħed pożittiv u xieraq, m’għandhomx jiġu skoraġġiti mill-gvern. Kull gvern għandu jinkoraġġixxi liċ-ċittadini tiegħu joqomsu għal dak li jinkwetahom.

Pajjiż mingħajr protesti

Dawn huma l-fatturi li jsawru domokrazija b’saħħitha. Għax demokrazija mhijiex sempliċiment sistema li fiha għandek lil min jikkmanda u lil min jobdi. Hija sistema li fiha jieħu sehem kulmin għandu sens ċiviku. Għalhekk, id-demokrazija tagħti kaz kulħadd, tisma’ lil kulħadd, tqis lil kulħadd ... allavolja għandha lil min ħafna drabi jieħu l-aħħar deċiżjonijiet.

Manwel Dimech kien kiteb, ‘A country without strikes is a country without light’, jiġifieri pajjiż mingħajr skrajkijiet tal-ħaddiema huma pajjiż mingħajr dawl’ (Aforiżma 17). L-istess jista’ jingħad għal pajjiż mingħajr protesti taċ-ċittadini. Id-‘dawl’ għal Dimech kien ifisser għarfien tas-sewwa, tad-dinjità, tas-sens politiku u ċiviku. Hu f’dan is-sens li nistgħu nitkellmu fuq il-protesti pubbliċi bħalma nitkellmu fuq l-isktrajkijiet.

Mhux biss iċ-ċittadin għandu jrabbi fih antigoverniżmu li ma jkunx ivvizzjat, imma saħansitra l-gvern stess għandu jkun antigovernista. Għax kull antigoverniżmu ġenwin jiggarantixxi li l-gvern ma jsirx assolut, ma jiħux drittijiet u prerogattivi li mhumiex tiegħu, ma jiddominax poplu, ma jġibx id-demokrazija fix-xejn.

Pedagoġija politika

Ċittadini mħarrġin fl-antigoverniżmu ġenwin iżommu dejjem f’moħħhom li l-pajjiż ma hu ta’ ebda gvern, imma tal-poplu. Ċittadini bħal dawn jifhmu li l-istat hu tagħhom għax jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet tiegħu, li aktar ma jibqgħu jieħdu deċiżjonijiet diretti, aktar is-sistema demokratika titwettaq.

Bil-kontra, ċittadini li l-antigoverniżmu tagħhom hu vvizzjat, u għalhekk partiġġjan (politikament, ekonomikament jew xi ‘ment’ ieħor), la jafu x’inhi n-natura u d-dmirijiet tagħhom infushom f’demokrazija, u lanqas ma jagħtu sehemhom għal stat b’saħħtu ta’ demokrazija u ta’ governabilità. Huma ċittadini politikament ivvizzjati.

Ilkoll nafu li fil-gżejjer Maltin, u għalhekk f’Malta daqskemm f’Għawdex, l-edukazzjoni politika mhijiex fost il-prijoritajiet akkademiċi jew pedagoġiċi tagħna. Dan ma jirreflettix tajjeb fuqna, fis-sens li juri kemm għandna x’nitgħallmu politikament. Poplu li l-pedagoġija politika tiegħu hija nieqsa ma jistax jippretendi li jħaddem id-demokrazija b’mod xieraq. Wara kollox, id-demokrazija hija biss għodda; u kull għodda trid l-id imħarrġa tagħha.

Iva, nipprotestaw; iżda mhux b’vizzju, imma b’virtù.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?