L-illitteriżmu l-ġdid

Jgħidu li l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin għamlet passi ta’ ġgant fi ftit ġenerazzjonijiet. Illum daċ-ċittadini żgħar tagħna jafu bil-wisq aktar mill-ġenituri tagħhom jew, aktar u aktar, minn nanniethom. Tabilħaqq. Imma x’jafu? X’edukazzjoni hi li qed jingħataw? X’tagħlim qed jiġi mgħoddi lilhom? Jekk jafu kollox mingħajr ma jafu l-litteriżmu tal-komputer, allura għada pitgħada (jekk mhux diġà llum) jitqiesu bħala illitterati.

Litteriżmu

Ħafna drabi, il-kelma ‘litteriżmu’ norbtuha biss ma’ li xi ħadd ikunx jaf jaqra u jikteb. Bil-maqlub, l-illitterat jew l-illitterata huma ħafna drabi dawk il-persuni li ma jafux jaqraw u jiktbu. Sa ftit ilu kellna raġun naħsbu hekk meta nużaw dal-kliem. Madankollu, dan m’għadux jgħodd għal-lum il-ġurnata u wisq anqas għal għal pitagħada.

Jista’ bniedem jaf jaqra u jikteb b’għoxrin ilsien differenti. Minkejja dan, jekk ma jafx l-ilsien tal-komputer u, għalhekk, ukoll mal-effiċjenza teknoloġika li tiġi miegħu, allura xorta waħda jitqies illitterat jew illitterata. Mhux imbilli jaf jaqra u jikteb. L-ilsien tal-komputer, jew it-teknoloġija informatika, hija l-ilsien tal-ġejjieni li mingħajru ħadd ma se jkun jista’ jgħaddi aktar.

Sal-lum, nies illitterati fl-ilsien tal-komputer għadhom jistgħu jġaħgħuha, għalkemm diġà ż-żgħażagħ li ma jafux dal-ilsien mhumiex qed isibu impjieg kif ġieb u laħaq. Għada pitgħada, aktar u aktar mhux se jsibu. Tfal jew żgħażagħ illitterati fit-teknoloġija informatika jew fl-effiċjenza tekonoloġika se jinbeżqu ’l barra mid-dinja tax-xogħol u se jsibu rwieħhom—bravi kemm huma bravi—bla mpjieg u bla ġejjieni.

Edukazzjoni

F’Malta u Għawdex niftaħru x’livelli t’edukazzjoni għandhom it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Mitt darba u elf. Imma għandu livelli t’edukazzjoni fiex? Jekk mhux fl-ilsien tal-komputer, allura m’għandhom livell ta’ xejn. Dan għaliex xorta jitqies illitterati fid-dinja teknoloġika tal-lum. Ma jiswa xejn li jafu jiktbu, jaqraw u jitħaddtu fuq elf miljun ħaġa. Jekk l-ilsien tal-komputer ma jafuhx, ma jafu xejn.

Dal-ilsien għandu ħafna oqsma marbuta miegħu li bniedem tal-lum ma jistax ma jkunx midħla sew tagħhom. Ngħidu aħna, irid ikun jaf kif jaħdmu x-xibkiet u n-nisġiet tal-informatika, tal-midja u tat-teknoloġija. Mingħajr dawn u oħrajn bħalhom ma jistax jidħol fid-dinja tax-xogħol u l-impjiegi; żgur li ma jistax jikkompeti jew jagħti sehemu.

Mhux imbilli qed ngħallmu ’l uliedna ħafna affarijiet. Qed ngħallmuhom biex għada pitgħada jkunu jistgħu jikkompetu fid-dinja tekonoloġika tax-xogħol u l-impjiegi. Jekk le, mhux biss mhux se jkunu jistgħu jsibu jaħdmu, imma lanqas jagħtu sehem lil pajjiżhom jew liċ-ċittadini l-oħra, u lanqas jagħtu kontribut siewi għall-iżvilupp u l-ħarsien tad-dinja.

Sfuttamenti

Bħall-illitterati tal-imgħoddi—jiġifieri dawk li ma kinux jafu jiktbu u jaqraw—l-illitterati l-ġodda—jiġifieri dawk li ma jafux jaqraw l-informatika u jiktbuha—se jkunu miftuħa għall-isfruttament ta’ ħaddieħor u għall-manipulazzjoni ta’ ħaddieħor.

Jekk tassew u tabilħaqq irridu pajjiż li jista’ għada pitgħada jikkompeti fid-dinja moderna, ma jistax jonqos li nagħtu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna l-għodod li jżommuhom kompetittivi, interessanti u kreaturi. Jekk dawn se jħallu l-iskejjel tagħna—kif xi wħud diġà qed jagħmlu—injoranti f’dawk l-oqsma li jistgħu jagħmluhom nies, allura nkunu qed nimminaw ’il pajjiżna fil-possibiltajiet tal-ġejjieni tiegħu.

Irridu niġġildulu dal-illitteriżmu mil-lum. Diġa aktar hawn iżżejjed minn dawn l-illitterati. Pajjiżna ma jistax jissogra li jħalli ċ-ċittadini nieqsa u żvantaġġjati b’dal-mod. Uliedna għandhom jingħataw possibbiltà serja li jirnexxu.

Mhux, però, jekk ikollhom il-pjaga tal-illitteriżmu l-ġdid.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?