In-numri ma jitkellmux

Dan l-aħħar kellna fostna protesti li xi wħud mill-ġurnalisti, jew min jikkmandahom, għażlu li jmaqdruhom. M’għandniex xi ngħidu, għamlu dan għax ma jaqblux magħhom. Imma l-aktar ħaġa li lili tatni f’sieqi kien li maqdruhom għax għall-protesti nfushom ma nġabrux ħafna nies. Bħallikieku riedu jgħidu: ‘Dal-protesti ma jiswew xejn għax ara kemm ftit nies ħadu sehem fihom.’ Raġunar Dar-raġunament huwa l-agħar wieħed li qatt jista’ jsir. Aħjar bniedem jgħid ċar u tond li ma jaqbilx mal-protesta jew għala saret milli jġib argument bħal dan. Jiġifieri argument tan-numri. Huwa argument zopp li jrid jgħid hekk: Protesta hi tajba, tiswa jew ta’ min jagħti kashom meta jkollha ħafna nies; jekk le, hi ħażina, ma tiswiex jew mhux ta’ min jagħti kasha. Bħallikieku r-raġuni għandha bżonn il-forza tan-numri! Dar-raġunament, hekk ibbażat fuq il-kwantità numerika, ma jagħti xejn kas tal-argumenti, tajbin kemm jistgħu jkunu tajbin, jew ukoll ħżiena, u jiffoka biss fuq kemm nies ħadu sehem fil-prot...