In-numri ma jitkellmux

Dan l-aħħar kellna fostna protesti li xi wħud mill-ġurnalisti, jew min jikkmandahom, għażlu li jmaqdruhom. M’għandniex xi ngħidu, għamlu dan għax ma jaqblux magħhom. Imma l-aktar ħaġa li lili tatni f’sieqi kien li maqdruhom għax għall-protesti nfushom ma nġabrux ħafna nies. Bħallikieku riedu jgħidu: ‘Dal-protesti ma jiswew xejn għax ara kemm ftit nies ħadu sehem fihom.’

Raġunar

Dar-raġunament huwa l-agħar wieħed li qatt jista’ jsir. Aħjar bniedem jgħid ċar u tond li ma jaqbilx mal-protesta jew għala saret milli jġib argument bħal dan. Jiġifieri argument tan-numri. Huwa argument zopp li jrid jgħid hekk: Protesta hi tajba, tiswa jew ta’ min jagħti kashom meta jkollha ħafna nies; jekk le, hi ħażina, ma tiswiex jew mhux ta’ min jagħti kasha.

Bħallikieku r-raġuni għandha bżonn il-forza tan-numri! Dar-raġunament, hekk ibbażat fuq il-kwantità numerika, ma jagħti xejn kas tal-argumenti, tajbin kemm jistgħu jkunu tajbin, jew ukoll ħżiena, u jiffoka biss fuq kemm nies ħadu sehem fil-protesti. La darba kien hemm ftit, allura dan jindika n-natura tal-protesta jew, agħar, l-argumenti tagħha.

Min jirraġuna hekk irid iqarraq. Għax dan għandu jkun jaf li bniedem wieħed waħdu jista’ jkollu raġun meta d-dinja kollha ma jkollhiex. X’għandhom x’jaqsmu n-numri! Iħares lejn in-numri min mingħalih il-masses jistgħu jkollhom raġun aktar mill-individwi waħedhom.

Tmaqdir

Xi wħud huma hekk qarrieqa meta jiġu għall-protesti, hemm hekk pronti li jikkundannaw protesta jew imaqdruha, li xi kultant lanqas l-argument tan-numri ma jiġihom tajjeb. Għandu mnejn tiftakar meta, snin ilu, wara protesta kbira tal-GWU fil-Belt (‘Issa Daqshekk’?), li għaliha kieku attendew eluf kbar ta’ nies, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Fenech Adami, kien qal: ‘U ijja, mhux erba’ min-nies kien hemm!’

L-eluf m’huma xejn għal il-protesti ma jqishomx. La l-eluf u lanqas il-miljuni. L-argument tan-numri, jiġifieri meta bniedem isemmi l-għadd ta’ nies li attendew, u jmaqdar protesta fuq din il-bażi, hu biss skuża vojta biex jiġġustifika d-disprezz tiegħu jew tagħha għall-protesta.

Dan mhux Fenech Adami biss għamlu. Għamluh oħrajn ukoll—biex ma nsemmu ’l ħadd—li l-protesti m’għoġbuhomx. Issa l-protesti ma jogħġbux biss lil min irid jagħmel li jrid u li jogħġbu. Mexxej jew kap mhux bilfors irid jaqbel mal-protesti biex jirrispettahom. Fejn m’hemmx rispett għall-protesti, imqar ta’ bniedem wieħed, lanqas m’hemm demokrazija.

Rispett

Id-demokrazija tirrispetta l-protesti kollha, ukoll dawk li ma tistax taqbel magħhom, għax il-protesti huma l-espressjoni tal-“demos”, jiġifieri tal-poplu. Tirrispetta saħansitra l-protesta li jista’ jagħmel bniedem wieħed waħdu, kontra kulħadd u kontra d-dinja kollha, għax f’dak l-individwu waħdu hemm il-bażi kollha tad-demokrazija.

Il-protesti dejjem iridu jkunu rrispettati. Imqar dawk li wieħed jew waħda ma jkunux jaqblu magħhom. Jista’ bniedem jopponihom jew jagħmlilhom kontro-protesta. Imma m’għandux imaqdarhom. M’għandux jonqos mir-rispett lejhom. Ukoll meta jkun konvint li huma mija fil-mija foloz u maħduma.

Pajjiż bla protesti huma wieħed mejjet. Il-protesti, ikunu xi jkunu, dejjem huma sinjal ta’ vitalità fil-poplu. Demokrazija bla vitalità bħal din hija marida u lesta biex tmut. Id-demokraziji b’saħħithom jinkoraġġixxu l-protesti. Fihom jaraw il-ħajja tagħhom stess li tbaqbaq.

Qatt ma kien hawn demokrazija b’saħħitha li emmnet li huma n-numri li jitkellmu. Le. In-numri ma jitkellmux. Jitkellmu n-nies. Nitkellem jien u int u kull ċittadin ieħor. U aħna m’aħniex numri. Ebda demokrazija ma tqis in-nies numri.

Mela, ħa jsiru l-protesti!

(Fir-ritratt: Protesta f’Londra l-ġimgħa li għaddiet)


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?