Il-mibegħda tal-ippjanar

L-ekonomija ta’ pajjiż għandha dejjem tkun maħsuba li tgħin lill-poplu kollu. Għalkemm dan jidher evidenti, spiss jiġri li ma jkunx hekk. Bosta drabi l-ekonomija ta’ pajjiż tinħadem b’tali mod li taġevola għadd ta’ nies u mhux oħrajn, u ġieli sa taġevola għadd ta’ nies għas-skapitu ta’ oħrajn. L-ippjanar ħafna drabi dan ma jħallihx isir. Għalhekk issib lil min jobogħdu.

Ekonomija ppjanta

Aktarx b’ekonomija ppjanata nifhmu sistema ekonomika li ma tixxejjirx mar-riħ ta’ kull kapriċċ kapitalistiku, kemm jekk hu ta’ individwi kif ukoll ta’ gruppi. Meta għandek pjan, dan ifisser li hemm direzzjoni ġenerali li ma toqgħodx iddur ’l hemm u ’l hawn bħalma jkun jaqbillu dan jew l-ieħor. Il-pjan isir biex l-ekonomija jkollha ċerta stabbiltà.

Dan ma jfissirx li ekonomija ppjanata hija bil-fors riġida jew li ma tagħtix kas tal-bidliet fil-kurrenti ekonomiċi tad-dinja. Dawn ikollha spazju għalihom. Imma mhux għalihom biss. Il-flessibbiltà tagħha, proprju minħabba l-istabbilità tal-ippjanar, ma tħallihiex tiġi sfruttata mill-ispekulaturi u l-isfruttaturi. Il-pjan jara li jkun hemm bilanċ għaqli bejn il-ħolqien tal-ġid u t-tqassim tiegħu mingħajr ma wieħed jew l-ieħor jaqa’ vittma tal-opportunisti.

L-ippjanar fl-ekonomija kien minn dejjem il-minni t’għajnejn is-soċjaliżmu u tad-demokraziji soċjali liberali. Dan għax l-ippjanar, bid-difetti kollha li jista’ jkollu (u għandu), huwa l-aħjar mod kif tiġi ggaratita l-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tal-ġid.

Ekonomija bla pjan

Il-kapitalisti, l-isfruttaturi u l-ispekulaturi kollha kollha jippreferu ekonomija mingħajr pjanifikazzjoni għax hekk jaqblilhom. Minħabba li l-objettiv ewlieni tagħhom mhuwiex il-ġid nazzjonali imma l-ġid privat, allura jippreferu sistema ekonomija li tħallihom iqabblu fejn jaqblilhom. Is-suq ħieles għalihom ifisser li l-ekonomija tmur fejn jinbottaha r-riħ tal-opportuniżmu privat.

Dawn in-nies mhux biss jippreferu ekonomija bla pjan, imma saħansitra jobogħdu ekonomija ppjanifikata u ’l kulmin jippromoviha. Dan għax hemm fin-nofs l-interess privat tagħhom u l-profitti li jitilfu. Minħabba li għalihom is-sistema ekonomika għandha titħalla kemm jista’ jkun mingħajr kontrolli, kull pjan, kull stabbiltà, kull regolarizzazzjoni li tista’ trażżan il-kilba tagħhom għall-profitti u s-superprofitti, hi ħażina.

Ekonomija bla pjan hi r-riċetta perfetta għall-faqar. Hi l-aktar sistema ekonomika bla qalb u bla ħniena għaċ-ċkejknin fis-soċjetà. Hi l-glorja ta’ kulmin irid li d-dinja kollha tpaxxi lilu u ’l-butu. Kulmin iħobb u jrid ekonomija bla pjan jobgħod is-soċjalisti u kulmin għandu lemħa ta’ soċjal demokratiku liberali.

Mibegħda għall-ippjanar

Kulmeta xi gvern tħajjar joħloq sistema t’ippjanar fl-ekonomija ta’ pajjiżi dejjem sab l-oppożizzjoni qawwija ta’ dawk li kellhom interess kapitalistiku, kemm sekulari kif ukoll reliġjużi. Dan, jekk xejn, hu loġiku. Għax il-pjanifikazzjoni fl-ekonomija timmina l-opportuniżmu tal-ispekulatur u l-isfruttatur, u torbtilhom l-intenzjonijiet kappriċċużi tagħhom.

Il-pjanifikazzjoni saħansitra tħawdilhom il-mod kif dawn jaħsbu dwar id-dinja, is-soċjetà u l-bniedem. Għax għalihom, kull bniedem jinsab għalih waħdu f’ġirja mal-oħrajn. Għalihom il-ħajja, jekk mhux taqtiegħa, għall-anqas hi tellieqa. Għalhekk, dawn in-nies ma jistgħux jifhmu għala għandu jkun hemm pjan biex jgħin lil min mhux kapaċi jiġri u jrażżan lil min irid jaħrab għal riħu.

Il-pjanifikazzjoni ekonomika hi l-mod kif is-soċjetà tkun kemm jista’ jkun ġusta ma’ kulħadd mingħajr ma tħalli lil ħadd jirkeb fuq ħaddieħor għall-kapriċċi tiegħu jew jirfes fuq ħaddieħor minħabba r-regħba tiegħu. Dis-sistema hi l-aqwa waħda biex toħroġ l-isbaħ f’kull bniedem għax tgħallimhom li m’għandhomx għalfejn ikunu klieb għal xulxin.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?