Is-saħħa tas-sħubija

Minkejja l-isforz li ilu jsir is-snin kbar mill-filosofija tan-neoliberaliżmu biex tikkonvinċina li kull bniedem jista’ jgħix kuntent bħala gżira, kellha tkun pesta bħal din tal-Coronavirus biex tfakkarna x’rabta għandna ma xulxin u li, le, ħadd ma hu jew hi gżira. Aħna niddependu minn xulxin. Irridu jew ma rrridux, aħna ninsabu fi sħubija ma’ xulxin.

Xbieha terribli

Fl-1947, wieħed mill-aktar awturi li nħobb jien, il-filosfu Alġerin Albert Camus, kien ħareġ novella bl-isem Il-Pesta (La Peste bl-oriġinal Franċiż). Fiha, fost ħafna affarijiet oħra, jgħid l-istorja ta’ meta faqqgħet il-pesta u bosta nies ġew imsakkra f’belt partikulari. Kulħadd f’dil-belt beda jaħseb biex isalva ġildu sa ma Camus juri kif ir-rabtiet soċjali ta’ qabel, inkluż dawk familjari, politiċi u reliġjużi, intemmu ħesrem.

Fot ħwejjeġ oħra, din l-istorja riedet tikxef il-ħafna artifiċjalitajiet li bihom hi miżgħuda l-ħajja tal-bnedmin: drawwiet artifiċjali, twemmin artifiċjali, rabtiet artifiċjali u l-bqija. Meta tiġi għas-si u n-no, bħal meta tfaqqa’ l-pesta qerrieda, dawn kollha jdubu fix-xejn. Imbagħad, il-bniedem, imnażża’ minn kollox, jintebaħ li hu għarwien. Waħdu u għarwien.

Din hi x-xbieha terribbli li Camus joħroġ, fost affarijiet oħra, f’din-novella mill-isbaħ. Joħroġ ukoll, però, il-kobor ta’ dak il-bniedm jew dawk il-bnedmin li la jħallu l-artifiċjalitajiet soċjali, politiċi, reliġjużi u l-bqija jagħmuhom, u lanqas ma jħallu ’l ħajjithom issir bħal tal-bhejjem meta jintemmu.

Ebda filosofija ma teqred

Tlieta u sebgħin sena ilu, jiġifieri meta ħareġ din-novella, kien hemm valur li Camus ma kellux għalfejn jitħasseb wisq fuqu għaliex kien għalih mill-aktar ovvju. Dan hu l-valur tas-sħubija. Bejn Camus u bejnna twieldet, kibret u ssaħħet il-filosfija tan-neoliberaliżmu. Din hi l-filosofija li, fost ħwejjeġ oħra, tifred lill-bnedmin minn xulxin għax tisħaq b’mod esaġerat fuq l-individwalità ta’ kull wieħed u waħda minnhom għad-dannu tal-komun.

Il-Coronavirus li qed tolqotna qed iġġib bosta effetti li jitħasseb fuqhom Camus bil-pesta tal-istorja tiegħu. Filwaqt li Camus jisħaq aktar fuq il-firda li ġġib kalamità bħal din, aħna aktar għandna għalfejn nitħassbu fuq is-sens ta’ sħubija, jiġifieri s-sens ta’ rabta ta’ bejn il-bnedmin, li dil-epidemija qed turina.

Il-kelma ‘sħubija’ hi waħda sabiħa. Hi aktar minn ħbiberija. Sħubija turi li hemm rabta mill-qrib bejn tnejn min-nies jew aktar. Fejn aħna ngħidu lil xi ħadd li hu ‘sieħbi’ jew ‘seħbiti’, l-Ingliżi jgħid ‘partner’, u t-Taljan ‘collega’. Ilkoll juri xi għamla ta’ rabta.

Umanità waħda

Għalxejn jgħidu li aħna m’hemm ebda rabta bejnietna jew, li hu agħar, li nistgħu ngħaddu mingħajr rabtiet ma’ ħaddieħor. Pandemija bħal din tal-Coronavirus, ukoll jekk ma hi xejn li xejn sabiħa, madankollu turi li ebda bniedem ma jgħixx ġo bozza għalih waħda; ebda bniedem ma’ hu gżira. Irridu jew ma rridux, is-sħubija ta’ bejnietna hi b’saħħitha u ebda teorija, qawwija kemm hi qawwija, ma tista’ qatt teqridha.

Meta r-rabtiet artifiċjali li jitħaddet fuqhom Camus fin-novella tiegħu jintemmu ... mhux ma jibqa’ xejn, kif aktarx isostni hu. Tibqa’ r-realtà li lkoll ninsabu f’dgħajsa waħda. Ebda bniedem qatt ma jista’ jkun għal kollox waħdu. Dejjem għandu xi rabta ma’ xi ħadd, jekk mhux fil-ġid, għall-anqas fid-deni. Imma waħdu ma jkun qatt.

Dil-pesta ta’ Coronavirus, aktar milli taqta’ qalb l-umanità għad-dannu li ġabitilna, tista’ tfakkarna fil-siwi tal-għaqda li hemm bejnietna, minn Wuhan sa San Francisco, minn Amsterdam sa Melbourne, minn naħa għal oħra tad-dinja. L-umanità hi familja waħda. Id-dinja hi d-dar waħda tagħna.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?