L-uff u l-aħħ

Ma nafx qatt smajtx bl-espressjoni “Aħjar ‘uff’ milli ‘aħħ’”. Naturalment, l-‘uff’ tingħad meta hemm xi ħaġa li ddejqek. Mentri, l-‘aħħ’ tingħad meta hemm xi ħaġa li qed tweġġgħek. L-espressjoni trid tgħid li aħjar tiddejjaq milli tweġġa’; aħjar tbati ftit u tevita l-uġigħ milli tweġġa’ għax ma tkunx ħadt prekawzjonijiet.

La l-‘uff’ u lanqas l-‘aħħ’

Ovvjament, bħalissa xi ftit jew wisq kulħadd għaddej minn xi ftit tal-‘uff’ minħabba l-Coronavirus. Kulħadd irid jagħmel xi ftit tas-sagrifiċċji, xi wħud aktar minn oħrajn, biex il-wieħed, il-waħda u lkoll kemm aħna nevitaw li nweġġgħu b’din il-marda potenzjalment qattiela.

L-‘uff’ ma jħobbu ħadd, m’għandniex xi ngħidu. Imma wisq anqas ma nħobbu l-‘aħħ’. Ħadd ma jħobb iweġġa’ għalxejn. Kemm jista’ jkun, sakemm ma nistgħux nagħmlu mod ieħor, ilkoll nevitaw li nweġġgħu. Hu għalhekk li bosta drabi nippreferu nbatu xi ftit ħalli ma naqgħux f’hemm akbar.

Tajjeb li bniedem jieħu prekawzjonijiet biex jevita l-imkwiet għalih innifsu jew għal ħaddieħor. F’kurkustanzi ordinarji, bniedem ma jaqbilx li jkun ossessjonat bil-prekawzjonijiet, qisu l-ħin kollu jibża’ li se jiġrilu xi ħaġa. Dan aktar imarrdu milli jevitalu l-imkwiet.

L-‘aħħ’ ta’ xi wħud

Fil-każ tal-Coronavirus, il-prekawzjonijiet kollha jridu jittieħdu. Dan għaliex dil-marda mhijiex immaġinarja. Hija reali u tista’ tagħmel ħafna ħsara. Għalhekk, wisq prekawzjonijiet f’dal-każ partikulari mhuwiex ħażin, speċjalment minn min hu anzjan jew għandu l-kura tal-anzjani jew ta’ persuni li jiddependu minnu jew minna.

Dan hu parti mill-‘uff’ li għaddejjin minnu. Xi wħud, però, m’għandniex ninsew, għaddejjin diġà mill-‘aħħ’ minħabba dil-marda. Hawn m’għandix f’moħħi biss lil dawk l-imsieken li diġà mardu u jinsabu taħt kura medika, u lanqas dawk li għaddejjin minn kwarantija sforzata. Għandi f’moħħi l-aktar in-nies tan-negozju.

Dan-nies li kellhom jagħalqu n-negozju tagħhom f’dawn il-jiem, u lanqas ma jafu meta dal-għeluq se jkompli sejjer, l-‘uff’ tagħhom hu ‘aħħ’ ikreh. Nissimpatizza ħafna magħhom u jiddispjaċini li, meta dan kollu jgħaddi, u aħna lkoll nerġgħu lura għall-ħajja normali tagħna, dawn in-nies jibqgħu jħossu l-‘uff’ u l-‘aħħ’ tad-dannu li qed iġarrbu f’dawn il-jiem.

L-‘uff’ jissokta

Hu, għalhekk, id-dmir tagħna lkoll li nġibu dil-istorja għal konklużjoni kemm jista’ jkun ta’ malajr. Kemm biex ħadd ma jibqa’ bl-‘uff’, imma wkoll biex ħadd ma jibqa’ bl-‘aħħ’. Nifhem li dal-isforz qed jagħmluh il-biċċa l-kbira tagħna lkoll, u dan hu ammirevoli.

Imma jista’ jkun għad hemm li m’għarfux il-gravità li għaddejjin minnu aħna u l-‘aħħ’ li xi wħud, kif semmejt, qed ibatu. L-isforz tagħna lkoll irid jibqa’ sħiħ biex li l-‘aħħ’ ma jasal fuqna u neħilsu wkoll mill-‘uff’.

Fl-aħħar nett, xtaqt ma ninsiex lil dawk kollha, kemm l-awtoritajiet tas-saħħa kif ukoll l-awtoritajiet tal-ordni u l-protezzjoni ċivili, li qed jagħmu xogħol tant u tant u tant bil-għaqal u siewi. L-‘uff’ ta’ dawn in-nies qed isir għas-servizz tagħna u għall-akbar ġid tal-poplu kollu.

Dan-nies jistħoqqilhom l-ammirazzjoni u l-apprezzament ta’ kull wieħed u waħda minna għax, bis-saħħa ta’ dawn in-nies li, ngħidu kif inhi, qed jipperikolaw ħajjithom ta’ kuljum, aħna qed ingawdu s-sigurtà u s-saħħa tagħna.

Mela lil dawn: grazzi kbira milli qalb!



Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Annimali domestikati u nies oħra (6)

Il-GB tibqa’ ġewwa

Humiliating and shameful