Mard ieħor

Bħalissa kulħadd moħħu fuq il-Coronavirus, u bir-raġun. Dil-pesta aktarx trid issir agħar qabel ma ssir aħjar, u lkoll kemm aħna ma nistgħux ma nħarsux saħħitna u saħħet ħaddieħor biżżejjed minnha. Madanakollu, hemm mard ieħor li joqtolna ftit ftit kuljum u ninsewh jew ninjorawh. Dan ukoll irridu nħarsu rwieħna minnu.

Biża’ ġustifikata

Li l-Coronavirus tista’ tkun qerrieda ma jidhirx li jista’ jkun hemm dubju fuqha. Fil-fatt, l-imwiet s’issa għadhom tilgħin u ma jidhirx li hemm fil-qrib waqfien żgur għalihom. Dil-pesta toqtol in-nies. Dan jafu kulħadd. Għalhekk kulħadd qed ifittex li jħares lilu nnifsu u lil ħaddieħor minnu.

Fi żmien ieħor, eżattament fl-1918, il-bużnanniet tagħna kienu jiftakru l-“Ispanjola”, influwenza qerrieda li ħadet magħha mal-50 miljun ruħ mid-dinja kollha. Fil-Gżejjer Maltin kien mardu bejn 20,000 u 50,000 ruħ. L-imwiet kienu madwar 1,000 ruħ, b’mija minnhom f’Għawdex biss.

Dawn l-epidemiji ħadd ma jaf eżattament kif u għala jibdew. Lanqas kif eżattament jintemmu. Illum, iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerika qed iweħħlu f’xulxin li bdew l-epidemija għal tal-apposta. Jista’ jkun li din tidher esaġerata. Forsi mhijiex għalkollox. Żgur li ħadd ma hu se jkun jaf biż-żgur.

Vittmi ta’ kuljum

Il-fatt jibqa’ li, meta bħall-bużnanniet tagħna, jew meta aħna stess b’dal-virus, inqatgħu minn saqajna u nibżgħu minn dal-mard li jista’ jeqridna, ħadd ma jista’ jagħtina tort li nagħmlu minn kollox biex nevitawh. Dan hu naturali u jista’ jifhmu kulħadd.

Madanakollu, il-mard li joqtolna ftit ftit kuljum la ħadd, jew kważi ħadd, ma jitkellem fuqu; ħadd, jew kważi ħadd, ma jibża’ żżejjed minnu; u, wisq anqas, ħadd, jew kważi ħadd, ma jieħu l-prekawzjonijiet kontrih. Dan huwa mard qattiel u perikoluż bħall-Ispanjola u l-Coronavirus. Jirbaħ il-vittmi kuljum. Imma ħadd ma jagħti kasu.

X’mard hu dan? Qabel kollox, il-mard bid-dħaħen tal-karozzi u, fin-naħat tal-Kottonera, bil-kimiċi tat-tarzna, u, fin-naħat tal-Marsa, bid-dħaħen tal-power station. Dat-tnejn tal-aħħar setgħu naqsu llum, imma qawwija kienu sa ftit ilu, u xi wħud mill-vittmi tagħhom għadhom magħna. Tal-ewwel, il-vittmi tagħhom huma aħna lkoll.

Qattiela oħra

Id-dħaħen kontinwi li aħna lkoll nibilgħu huma qattiela, għalkemm f’aktar tul, daqs jekk mhu aktar mill-epidemija ta’ bħalissa jew ta’ seklu ilu. X’prekawzjonijet nieħdu kontrihom? Xejn. Aħna lkoll ngħixu ma’ dal-periklu qisu mhu xejn, anzi inżiduh aħna stess bl-inġenji personali tagħna.

Ma’ dawn id-dħaħan, inżid pesta oħra li taffettwana lkoll: l-ikel li ħafna minna jieklu. Hu ikel immodifikat artifiċjalment u ħafna drabi ivvalenat b’kimiċi ta’ kul xorta. Dan jgħodd għal-laħam daqskemm għall-ħxejjex. Ikel “naturali” donnu m’għadux jeżisti.

Dan ukoll hu kawża ta’ miljuni ta’ mwiet, imma min jagħti kas? Qed insemmi żewġ pesti biss fost oħrajn—id-dħaħen fl-arja u l-kimiċi fl-ikel—li effettivament qed joqtluna kuljum. Twissijiet fuqhom: ftit li xejn. Miżuri kontrihom: tista’ tghid xejn. Prekawzjonijiet: ftit li xejn.

Mela dawn mhux qattiela wkoll? Ta’ miljuni fis-sena? Għala dawn drajnihom tant li m’għadhomx iwerwruna? Anzi, aħna stess inżidu mal-qerda tagħhom billi nikkontribwixxu għalihom, jekk mhux tal-ikel għall-anqas tad-dħaħen.

Jagħmel tajjeb kulħadd jibża’ mill-Coronavirus bħalma seklu ilu l-bużnanniet tagħna beżgħu mill-Ispanjola. Nagħmlu tajjeb li nieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli kontra dil-pesta li qed tolqot id-dinja. Imma nkunu qed nagħmlu tajjeb ukoll jekk mard ieħor aktar komuni nibżgħu minnu u nilqgħulu wkoll.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?