Apoloġija lil Dimech

Il-Knisja Kattolika Maltija b’għadha qatt ma talbet maħfra uffiċjali lil Manwel Dimech, lid-dixxendenti tiegħu jew lill-poplu Malti għall-martirju li ġegħlitu jbati. Dimech miet eżiljat fl-Eġittu ħtija tal-persekuzzjoni sistematika li l-awtoritajiet ekkleżjastiċi lokali ħadmu kontra Dimech b’mod inġust, immorali u żbaljat.

Tnissil il-mibegħda

Il-Ġimgħa li għadda, 17 t’April, Manwel Dimech għalaq 99 sena mejjet. Iva, is-sena d-dieħla jaħbat l-ewwel ċentinarju mill-mewt kiefra tiegħu ’l bogħod minn pajjiżu tturufnat fl-Eġittu. Dimech ġie ddeportat mill-awtoritajiet Brittaniċi f’Malta mingħajr akkuża formali u mingħajr proċess ġudizzjarju. Dan sar biss fuq il-bażi ta’ kalunji li tnisslu mill-mibegħda li l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex qajmu kontrih.

Wara dan, Dimech inżamm eżiljat minn Malta illegalment. Dan għax, wara li ntemmet il-liġi marzjali li kienet twaqqfet minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-ordni tad-deportazzjoni ta’ Dimech legalment intemm ukoll. Dan l-ordni seta’ jsir bis-saħħa legali li tatu l-liġi marzjali fil-Gżejjer Maltin.

Dimech la kien ta’ theddida għas-sigurtà ta’ Malta u lanqas ma kien ta’ periklu għad-difiża tal-Gżejjer Maltin. L-akkużi li ġew maħluqa kontrih saru minn nies li kienu ġew konvinti mill-kleru Malti li b’dan l-għemil immorali, mogħmi u żbaljat tagħhom kienu qed jaqdu lill-Knisja u jagħtu ġlorja lil Alla.

Ħtija indiretta

Dimech spiċċa għamel sitt snin u nofs mifrud minn familtu u ħbiebu ’l bogħod fil-ħabsijiet tal-Eġittu taħt il-protettorat Brittaniku. Minkejja li la kien ta’ theddida għas-sigurtà ta’ Malta u lanqas ma kien ta’ periklu għad-difiża tal-Gżejjer Maltin, il-gvernaturi kolonjali f’Malta xorta waħda ċaħdulu bosta drabi l-permess li jerġa’ lura f’pajjiżu.

Dan sar ukoll wara li l-eżilju ta’ Dimech kien sar illegali. Ir-raġuni kienet li l-gvern kolonjali Brittaniku ma riedx jurta u jdejjaq lill-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika f’Malta. Dan għax, wara s-Sette Giugno tal-1919, kienet qed tinħadem il-kostituzzjoni l-ġdida ta’ Malta u l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika kienu qed jagħmlu kull tip ta’ pressjoni biex dil-kostituzzjoni ma ttellfilhom xejn mill-privileġġi li kellhom.

Għalkemm, safejn nafu aħna, l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika f’Malta u f’Għawdex ma kellhomx ħtija DIRETTA la għad-deportazzjoni u lanqas għall-eżilju ta’ Dimech, bla dubju ta’ xejn kellhom ħtija INDIRETTA li mingħajrha aktarx la l-waħda u lanqas l-oħra ma kienet isseħħ.

Opportunità tad-deheb

M’għandniex xi ngħidu, għalkemm id-deportazzjoni u l-eżilju ta’ Dimech ’il bogħod minn art twelidu kienu t-tnejn illegali u immorali, kien hemm bosta raġunijiet kumplessi għalihom. Dan jista’ jgħodd ukoll għall-persekuzzjoni tiegħu f’Malta u għall-mewt tiegħu fl-eżilju. Madanakollu, f’dan kollu s-sehem tal-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika taż-żewġ gżejjer Maltin kien bla dubju mill-akbar kif ukoll mill-aktar determinanti.

L-ostilità tal-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika fil-Gżejjer Maltin kontra Manwel Dimech baqgħet sħiħa u qawwija sal-aħħar snin sebgħin. Illum, mal-ħamsin sena minn din l-intransiġenza irrazzjonali, is-sitwazzjoni hi ferm u ferm differenti, bħalma wkoll jixhdu r-relazzjonijiet li l-Knisja Kattolika sar għandna mal-Istat repubblikan Malti u mas-soċjetà Maltija.

Dan għandu jkabbar il-possibbiltà li l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika f’Malta u f’Għawdex uffiċjalment jagħmlu APOLOĠIJA lil Manwel Dimech. Apoloġija għal xiex? Apoloġija mhux għax ma kellhomx raġun f’dak li qalu. Apoloġija mhux għax ma kinux iġġustifikati f’dak li għamlu. Apoloġija għax il-mezzi li wżaw kontrih, kontra familtu u kontra ħsabu kienu ħżiena, kattivi u immorali.

Jalla din l-apoloġija uffiċjali saflaħħar issir, ukoll jekk bil-wisq tardiva, sas-sena d-dieħla meta n-nazzjon Malti u Għawdxi jfakkar il-100 sena mill-mewt tant u tant krudili u nġusta ta’ Dimech fl-eżilju. Jalla. Jalla.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?