Dizunjoni Ewropea

Waqt li qegħdin ilkoll għall-kenn ġewwa nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa kontra l-Coronavirus, madwarna fl-Unjoni Ewropea (EU) qed iseħħ avveniment ieħor li aktarx bosta ntebħu bih u li oħrajn għażlu li jinjorawh: id-diżintegrazzjoni tal-EU. Ir-retorika kollha tat-tisħiħ politiku ta’ kontinent magħqud aktarx kienet l-ewwel vittmi tal-Coronavirus.

Kulħadd għal rasu

Malli faqqgħet il-Coronavirus, fl-UE bdiet tiġri xi ħaġa sorprendenti. Waqt li kulħadd beda jiffoka fuq l-imxija u l-qerda li bdiet iġġib, tista’ tgħid li ħadd ma ntebaħ li l-UE kien implodiet. F’daqqa waħda, dik li suppost kienet ħaġa waħda saret biċċiet. Kull pajjiż fl-UE beda jaħseb għal rasu. Aktar minn hekk, meta pajjiżi bħall-Italja u Spanja, aktarx l-aktar milqutin mill-virus, espliċitament talbu l-għajnuna tal-UE, din sa ċaħditilhom din l-għajnuna.

Bejn il-ħbieb, jew aħjar, bejn l-aħwa, meta jinqala’ xi saram arahom jingħaqdu qaqoċċa. Aktarx kulħadd għadda minn dan fil-familja tiegħu. L-imkwiet li jaħbat għal xi membri tal-familja jgħaqqad il-familja. Kulmin għandu l-iċken rispett jew wkoll imħabba għal dawk qrib tiegħu jagħmel l-istess: malli jiġi l-hemm, il-ħbieb jew tal-familja jingħaqdu flimkien ħalli jappoġġjaw lil xulxin u jgħinu lil xulxin.

Fl-UE mhux hekk ġara. Malli ġie l-inkwiet serju, flok il-pajjiżi tagħha ngħaqdu għalenija biex jappoġġjaw lil xulxin, jgħinu lil xulxin u jiġġieldu flimkien dal-virus, fis inqatgħu minn xulxin, u kull wieħed minnhom, inkluż tagħna, telaq għal rasu. Isalva min jista’.

Fruntieri biss

Dil-prova tal-virus ma ħolqitx il-firda. Il-firda kienet diġà hemm. Il-virus kixifha. Wera li d-diskors bl-unjoni tiela’ u l-unjoni nieżla kien biss retorika li ħafna minnha hi vojta. Biex ngħiduha aħjar, l-għaqda politika li l-UE dejjem tiftaħar biha, u bir-raġun, għax hija s-sustanza tal-UE, hi mhux biss artifiċjali imma, aktar minn hekk, fittizja. Tinsab biss f’moħħ il-politiċi li qed jirku fuq daharha biex jaħżnu s-setgħa u l-flus għalihom infushom u għal sħabhom.

Is-sustanza tal-UE hija li m’għandhiex fruntieri. Sa mill-bidu tal-unjoni politika tal-Komunità Ewropea bdejna u bqajna nisigħu li l-fruntieri waqgħu, li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jivvjaġġaw fi ħdan l-unjoni mingħajr passaporti, li lkoll aħna ċittadini ta’ territorju wieħed sħiħ ... dan id-diskors intemme ħesrem malli faqqgħet il-Coronovirus fi Frar li għadda.

F’daqqa waħda x’rajna? Rajna l-fruntieri li sa ftit qabel suppost ma kinux jeżistu f’daqqa waħda reġgħu tfaċċaw. Kull pajjiż tal-UE sar f’daqqa waħda pajjiż għalih. Mhux aktar niġġieldu l-problemi flimkien, imma niġġildulhom kulħadd għalih waħdu. Il-proġett Ewropew sar l-ewwel vittma tal-Coronavirus.

Il-verità tibqa’

Dan għax il-virus ma jitlobx forza militari kontrih. Ara li kieku nistgħu niġġieldu l-Coronavirus fl-armi tan-nar, kieku hemmhekk kien ikollok mhux UE waħda imma mija. Daż-żgur, għax f’dal-każ kien ikun hemm il-but ta’ min jipproduċi l-armi u l-armamenti fin-nofs. Imma issa dawn huma bla saħħa quddiem il-virus. L-armi, l-armamenti u l-bombi kollha tagħhom ma jiswew xejn.

Minħabba li l-virus jista’ biss jiġi miġġieled, għall-anqas fuq livell ta’ kontinent, bis-solidarjetà, l-għajnuna u l-assistenza, il-virus ma’ sab ebda għaqda waħda tiġġilidlu. L-UE inqabdet f’dak li hi tabilħaqq: mhux unjoni waħda magħquda, imma ħafna pajjiżi li taparsi huma magħqudin. Fil-fatt, ma huma magħqudin xejn.

Hija tal-mistħija kif id-diskors kollu politiku tal-EU spiċċa fix-xejn f’daqqa waħda. Kull pajjiż qed jitħalla jiġġielek il-virus waħdu. Kulħadd b’ta’ fuqu senduqu. Ħadd ma jistenna għajnuna m’għand ħadd għax kulħadd hu għal rasu.

X’se jiġri wara li l-virus jintrebaħ? Ibqa’ ċert u ibqa’ ċerta li nerġgħu nisimgħu l-istess diskors vojt ta’ qabel: kemm aħna magħqudin, kemm aħna aħwa, kemm inħobbu lil xulxin. Il-farsa terġa’ tibda’. Il-maskra terġa’ titla’. Il-verità biss tibqa’.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?