F’dgħajsa waħda

Mhux biss ir-refuġjati jinsabu dejjem f’dgħajsa waħda, imma aħna lkoll. Xi wħud lanqas dan ma jridu jifhmu. Jibqgħu jirraġunaw bil-mentalità li l-aqwa jinsabu tajjeb huma u daqshekk; ħaddieħor jara hu. Imma din mhijiex il-filosofija li ssalva la lill-individwi u lanqas lill-umanità. Ninsabu f’dgħajsa waħda. Flimkien jekk nibqgħu fil-wiċċ jew jekk negħrqu.

Politiċi bla ġieħ

L-ewwel u qabel kollox, dit-tagħlima jridu jifhmuha l-politiċi. Iridu jifhmu li, f’mument ta’ kalamità nazzjonali bħalma għaddejjin minnha bħalissa, iridu jħallu fil-ġenb il-logħob politiku tagħhom u jaħsbu fuq livell nazzjonali. Huwa miskin dak il-politiku, hu min hu, li jinqeda b’kalamità bħal din biex biex jipprova jirbaħ il-punti.

Xi wħud hekk qed jagħmlu, speċjalment xi wħud fil-kamp tal-oppożizzjoni. Dan mhuwiex qed ikun ta’ ġieħ għalihom u lanqas għall-partit tagħhom. Bniedem li jinqeda bid-dgħufija momentarja tal-oppożitur tiegħu biex jagħmel xi akkwist personali ma jixraqlux jissejjaħ kompetitur onorabbli. Huwa patetiku daqs għemilu.

Bħalissa, il-ħtieġa nazzjonali mhijiex li l-politiċi jinfexxu f’battibekki partiġġjani biex juru kemm huma bravi jew biex ifixklu lil min hu kontrihom. Il-ħtieġa nazzjonali titlob li kulħadd jingħaqad wara l-isforz wieħed li jgħin. Dan hu dmir. Il-politiċi jridu jkunu minn tal-ewwel li jagħtu eżempju f’dan.

Nies għal rashom

Hemm, imbagħad, min, għalkemm mhuwiex f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà, la politika u la ta’ xi ħaġa oħra, xorta waħda qed jiġi jaqa’ u jqum mill-prekawzjonijiet li hemm bżonn jiġu mħarsa għas-sigurtà ta’ kulħadd. Ċittadini komuni jħossuhom ’il fuq mill-emerġenza komuni u jiksru kull direttiva t’għaqal li tħares lill-komunità u, wara kollox, lilhom infushom.

Dan-nies, bħall-politiċi li diġà semmejt, m’għandhomx sens biżżejjed qawwi tal-ġid komuni. Jaħsbu li huma aqwa minn ħaddieħor jew li dak li jgħodd għal ħaddieħor ma jgħoddx għalihom. Kull ċittadin huwa f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà f’dan il-waqt delikat u eċċezzjonali. Dil-imxija mhijiex se tintemm sakemm tibqa’ persuna waħda biss infettata.

F’din l-istorja, mhemmx dan u l-ieħor. Kulħadd hu fiha. Kulħadd jinsab f’did-dgħajsa waħda li tinsab mhedda. Mhux biss f’pajjiżna ċkejken, imma fid-dinja kollha. L-umanità kollha tinsab f’did-dgħajsa waħda ta’ hemm. Hu għalhekk li lkoll kemm aħna rridu nibqgħu iffukati fuq il-ġid tagħna nfusna imma wkoll tal-oħrajn ukoll. Ħadd mhu waħdu f’did-dgħajsa. Ilkoll ngħumu jew negħrqu flimkien.

Qalb wiesa’

Ir-refuġjati li erġajna ltqajna magħhom f’dal-ġimgħat ikomplu jfakkruna li d-dinja mhijiex magħmula minn biċċiet maqtgħajn minn xulxin. L-umanità hi waħda. L-imxija li għaddejja minnha l-biċċa l-kbira tal-umanità ma waqfitx il-problemi l-oħra li jkiddu l-ġens uman. Fost dawn hemm il-gwerra, il-persekuzzjoni u l-ġuħ li bosta nies qed jaħarbu minnhom.

Għax issa għandna l-imxija theddidilna s-sigurtà u l-kumdità tagħna, ma jfissirx li għandna naħsbu biss f’dak li jista’ jgħin lilna f’dil-biċċa u daqshekk. Ħsiebna ma jistax jeskludi lil kulmin bħalissa għandu wkoll problemi oħra li jrid iħabbat wiċċu magħhom.

Dil-imxiija qed turina biċ-ċar li ninsabu f’dgħajsa waħda, imma mhux għall-imxija biss. F’kollox ninsabu f’dgħajsa waħda. Jeħtieġ li ma ninsewx l-umanità tagħna. Ma ninsewx li l-bniedem, hu fejn hu, mhuwiex waħda, imma hu parti mill-bqija tal-bnedmin.

Dan jgħodd għalija u għalik ukoll. Moħħna u qalbna għandna nwessgħuhom biex ninkludu fihom lil ħaddieħor, lill-umanità, u ma nħalluhom magħluqa għalina nfusna biss. Magħluqa, qlubna u moħħna jitnawru. Miftuħa, jisbieħu u jissaħħu.

Ninsabu f’dgħajsa waħda mhux għax ix-xitan irid hekk. Għax Alla jrid hekk.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?