Il-ħin ħieles

F’dawn il-jiem―li issa qed isiru ġimgħat―f’daqqa waħda lkoll beda jkollna ħafna ħin ħieles x’naħlu. Fejn qabel bosta nies lanqas biss kienu jafu minfejn se jibdew fl-affarijiet li kellhom jagħmlu d-dar, issa, magħluqin ġewwa bilfors, għandhom il-ħin kollu tad-dinja. Li issa għandu mnejn marrilhom hija l-ħajra.

Spazju għas-serħan

Il-ħin ħieles jorbot mas-snajja li jkollna. Jiġifieri, aktar ma bniedem ikollu s-sengħa jagħmel affarijiet, anqas ikollu ħin ħieles; u bil-kontra wkoll: anqas snajja, aktar ħin ħieles. Ħafna drabi, jissejħu “ħin ħieles” dawk is-sigħat, il-jiem u l-ġimgħat li fihom bniedem m’għandux dmirijiet xi jwettaq, imma jista’ jagħmel dak li għandu l-ħajra li jagħmel.

Hu għalhekk li l-ħin ħieles hu marbut ma’ serħan il-moħħ. Għax bniedem ma jagħmilx fil-ħin ħieles dak li jagħfas fuq moħħu bħala dmir, imma biss dak li jpaxxi ’l ruħu, l-aptit u l-pjaċir. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, id-dmirijiet tagħna ma jagħtuniex pjaċir, u lanqas ma huma maħsuba li jagħtuna pjaċir. Iridu jsiru, inħobbuhom jew ma nħobbuhomx. Aħjar nagħmluhom bil-ferħ milli bid-dwejjaq, għax inkella l-piż tagħhom jiżdied. Id-dmir hu bosta drabi marbut max-xogħol jew il-ħidma salarjata. Għalhekk lil xi wħud ma jagħtihom pjaċir.

Il-ħin ħieles jibda fejn tintemm il-ħidma ta’ bilfors. Huwa l-ispażju li jibqa’ bejn id-dmirijiet li fih nistgħu nagħmlu li rridu, dak li nħobbu nagħmlu, dak li nagħmluh mingħajr sforz, dak li għandna ħajra għalih f’dak il-ħin, dak li jagħtina pjaċir, dak li mhuwiex dmir.

It-tirannija tad-dmirijiet

Fil-ħajja ta’ kuljum f’kundizzjonijiet normali, ħafna minna ftit ikollhom ħin minn dan; ftit ikollhom ħin ħieles li fih dak li moħħhom jagħtihom li jagħmlu biex jistrieħu u jieħdu pjaċir. Ix-xogħol, il-ħidmiet meħtieġa għall-familja u bosta dmirijiet oħrajn inaqqsu u jnaqqru l-ħin ħieles tagħna b’mod drastiku, ħafna drabi b’tali mod li ma jħallu xejn li xejn minnu.

Min jaf kemm nisa tad-dar, ngħidu aħna, jew irġiel tax-xogħol, lanqas biss ikunu jafu kif għaddiet il-ġurnata, jew jinstabtu fuq is-sodda filgħaxija eżawriti mill-piż tal-jum u l-ġirja frenetika tal-ħin. X’ħin ħieles, ħin ħieles! Dejjem għaddejjin. Dejjem hemm id-dmir li jmiss li jrid isir. Dejjem l-arloġġ qisu arkużin. Dejjem hemm xi ħaġa li jkollhom jagħmlu.

Bniedem bla ħin ħieles jispiċċa biex jeqred lilu nnifsu. Is-snajja tiegħu fl-affarijiet sbieħ tal-ħajja li hu jkollu ħajra għalihom jibqgħu ma jiżviluppawx. Id-dmirijiet jiklulu ruħu; iħalluh nieqes minn dak kollu li jista’ jgħid li hu tiegħu, li hu hu, li jagħmluh kuntent. Il-bniedem b’dmirijiet biss hu bniedem aljenat minnu nnifsu; bniedem li ruħu tispiċċa tinqeridlu. Hu bniedem li lanqas jaf hu stess min hu.

L-iskoperta

Xi nies jiskopru l-ħin ħieles meta jkunu qabżu s-sittin u jirtiraw mix-xogħol. Ħafna lanqas s’hawn ma jaslu, għax jibqgħu jagħmlu dak li draw li jagħmlu ħajjithom kollha: jaħdmu daqs klieb bil-ħin jiġri warajhom. Nies bħal dawn, tant isiru vvizzjati mill-marda tad-dmirijiet, li ma jgħixux minuta waħda qabel ma jmutu.

Il-ħin ħieles mhuwiex ħela ta’ ħin, kif ħafna jaħsbu. Il-ħin ħieles huwa l-ħajja. Jalla xi darba ebda bniedem ma jkollu għalfejn jaħdem ta’ bilfors, imma biss għax irid. Jalla xi darba kull bniedem fid-dinja jirtira mix-xogħol ta’ tmintax u tul il-bqija ta’ ħajtu jagħmel biss dak li jħobb, dak li jrid jew dak li j’tih pjaċir. Din kienet ukoll waħda mix-xewqat il-kbar ta’ Marx, li għalih kull xogħol kellu jkun pjaċir u gost.

F’dal-ġranet u ġimgħat, meta ħafna minna qed jiskopru x’inhu l-ħin ħieles, erħilhom nonfħu għax ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu b’idejhom. Dawn għandhom jitgħallmu li f’dal-ħin kull wieħed u waħda għandna niskopru aktar dak li nħobbu nagħmlu, dak li jagħtina gost u pjaċir, dak li joħroġ minn ġo fina l-ħiliet li qatt ma kellna l-opportunità niżviluppaw. Issa hu l-ħin.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?