It-teknoloġija popolari

Fil-ġimgħat u x-xhur li n-nies damu magħluqin minħabba l-imxija, kemm f’pajjiżnu kif ukoll f’inħawi oħra tad-dinja, l-użu tat-teknoloġija popolari splodiet fl-użu tagħha. Skond sinjali fl-aħbarijiet mid-dinja, dan l-użu jidher li tferrex kemm fost iż-żgħażagħ kif ukoll fost dawk ta’ età akbar, saħansitra anzjani. Dan jista’ jkun żmien li fih dit-teknoloġija, l-aktar dik komunikattiva, iġġib bidliet kbar f’ħajjitna.

Esperjenza virtwali

Fejn qabel sempliċi telefona kienet tkun biżżejjed, l-użu tal-kamera flimkien mal-leħen sar il-mod preferit kif in-nies jikkomunikaw ma’ xulxin. M’għandniex xi ngħidu, minħabba li kulħadd kien magħluq ġewwa, u n-nies, qraba u ħbieb ma kinux qed jiltaqgħu ma’ xulxin wiċċ imb’wiċċ, riedu xi ħaġa li b’xi mod tlaqqagħhom xorta waħda.

L-esperjenzi virtwali ta’ komunikazzjoni, jekk ma kinux preferiti qabel, saru f’daqqa waħda preferiti biex in-nies jaraw wiċċ xulxin. Fil-psikoloġija tal-appoġġ, hemm dak li jissejjaħ il-“leħen ta’ ħbiberija”, u dak li jissejjaħ il-“wiċċ ta’ ħbiberija”. F’ċerti każijiet ta’ appoġġ, il-leħen tal-ħbiberija hu biżżejjed. Dan jista’ jsir l-aktar bit-telefon.

Minkejja dan, f’xi minn daqqiet, sitwazzjonijiet aktar diffiċli jeħtieġu wkoll il-wiċċ tal-ħbiberija. Għalhekk, laqgħat personali wiċċ imb’wiċċ ikun meħtieġa biex jagħtu l-appoġġ meħtieġ lil min għandu bżonnu. Xi minn daqqiet, xi sitwazzjonijiet jitolbu wkoll il-kuntatt tal-ħbiberija, jiġifieri l-użu tal-idejh bħala sinjal ta’ appoġġ, ngħidu aħna, b’tgħanniqa jew b’għafsa t’id. Dawn xi kultant imorru mal-wiċċ tal-ħbiberija.

Il-ħtieġa tal-uċuħ

Fi żmien l-imxija, meta t-tul ta’ żmien li n-nies naqgħu maqtgħin minn xulxin twal ħafna, ġimgħat u wkoll xhur, in-nies bdew jixtiequ li jkollhom l-appoġġ mhux biss tal-ilħna imma wkoll tal-uċuħ ta’ dawk li jgħożżu u jħobbu. B’hekk bdew jippreferu teknoloġiji li jaqbżu l-fruntieri tal-firda u jlaqqgħu lin-nies virtwalment.

L-appoġġ tal-wiċċ tal-ħbiberija sar importanti u meħtieġ għax in-nies bdew deħlin f’qagħdiet mentali ta’ solitudni u biża’. L-ilħna li jassigurawhom bl-appoġġ u l-għożża ma baqgħux biżżejjed; riedu xi ħaġa aktar. Riedu li jiltaqgħu ma’ ħaddieħor. Li jisimgħu leħnu ... imma wkoll jarawh; jaraw wiċċu.

Dil-ħtieġa li n-nies jaraw il-wiċċ ta’ ħaddieħor mhijiex xi ħaġa estetika biss, jiġifieri xi ħaġa li bniedem jagħmilha sempliċiment għax jogħġbu dak li jara. In-nies jeħtieġu l-uċuħ ta’ ħaddieħor minħabba li l-wiċċ jittrasmetti sinjali u messaġġi li huma meħtieġa għas-saħħa mentali u affettiva tan-nies. Il-wiċċ jesprimi l-qrubija. Huwa kuntatt mingħajr intrużjoni. L-importanti, però, huma kuntatt uman.

Teknoloġija intrusiva

Meta nużaw it-teknoloġiija popolari, bħas-sempliċi kameras li għandna mweħħlin maċ-ċellulari, il-laptops, il-komputers, u l-affarijiet oħra li għandna biex nikkomunikaw, għalkemm il-kuntatt mhuwiex dirett, imma virtwali, xorta waħda jissodisfa l-ħtieġa li għandna li naraw l-uċuħ meta rridu komunikazzjoni u appoġġ aktar profond.

Wara l-imxija, jista’ jkun li dal-użu ma jibqax daqshekk mifrux. Waħda għax in-nies ma jibqgħu ġo darhom u jibda jkollhom aktar x’jagħmlu. Tnejn, għax il-ħtieġa għall-kuntatt “tal-wiċċ”, u l-appoġġ u l-wens li jiġu minnu, ma tibqax daqshekk qawwija. Il-ħbiberija tal-leħen ikun biżżejjed.

Dat-tnaqqis jista’ jkun ta’ ġid, fl-aħħar mill-aħħar. Għax meta n-nies, minbarra li jinstama’ leħenhom, jidher ukoll wiċċhom, u jidher ukoll fejn qegħdin, ma’ min qegħdin u x’qed jagħmlu, dan jista’ jkun stressanti ħafna. Mhuwiex il-ħin kollu, u lanqas lil kulħadd, li nkunu rridu nuru dawn l-affarijiet privati tagħna. Dit-teknoloġija tista’ tkun intrusiva żżejjed.

It-teknoloġija trid dejjem tkun għas-servizz tagħna u qatt ma nħalluha ssir is-sid u l-kap tagħna.





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?