L-ossessjoni bil-ħin reali

Il-frażi “ħin reali” ma kinetx tintuża qabel l-era tal-komputers. Illum, iż-żewġ kelmiet flimkien bħala espressjoni waħda saru mhux biss ifissru ħafna għalina, imma wkoll aktarx jindikaw ossessjoni komuni ta’ żmienna. Għalina, attività li ssir f’“ħin reali” donnha għandna aktar siwi minn attività simili li ma ssirx. Xejn ma sar jiswa aktar minn xi ħaġa li ssir f’“ħin reali”. Imma x’inhu dal-ħin reali?

Mal-ħeffa tal-komunikazzjoni

Għalkemm fil-filosofija ilna minn żmien żemżem nagħmlu ferq bejn “ħin” u “żmien”, u wkoll nagħżlu bejn għamliet differenti ta’ ħin (bħal “ħin ċirkulari”, “ħin kontinwu”, “ħin maqtugħ” u l-bqija), għandi l-impresjoni li komunement ftit kien isir ferq bħal dan. Il-ħin kien il-ħin u daqshekk. Żgur li ħadd ma kien jofroq bejn xi ħin reali u ieħor li ma kienx reali. Waqt li fil-filosofija ebda ħin m’hu reali, b’mod ġenerali kull ħin jitqies reali.

M’għandniex xi ngħidu, dejjem sar il-ferq bejn il-ħin tal-imgħoddi, tal-preżenti u tal-ġejjieni. Imma, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ ħeffa fil-komunikazzjoni, il-preżent kien maqtugħ ħafna u mbiegħed kemm mill-imgħoddi kif ukoll mill-ġejjieni. Il-preżent, infatti, kien ċkejken ħafna, biex ngħid hekk. L-imgħoddi u l-ġejjieni kienu jieklu ħafna minnu.

Dan beda jinbidel aktar ma l-komunikazzjoni bdiet iżżid fil-ħeffa tagħha. Mhux fl-era elettronika biss, imma sa minn dejjem. Ma’ l-ewwel rota, ma’ l-ewwel vapur, ma’ l-ewwel karozza, ma’ l-ewwel ferrovija ... il-preżent beda jżid fil-ħatfa tiegħu fuq il-ħin u b’hekk iġib aktar u aktar l-imgħoddi u l-ġejjieni taħt idejh. Illum, fl-era elettronika, ir-rebħa tal-preżent fuq l-imgħoddi u l-ġejjieni nsejħulha “ħin reali”. Hija l-akbar kisba tal-umanità.

Twieled mal-komputers

Mingħajr ma noqogħdu nidħlu f’ħafna teknikalitajiet, meta ngħidu li xi ħaġa ġrat jew qed tiġri f’“ħin reali” aktarx nifhmu li dik il-ħaġa qed tiġri fil-mument preżenti li fih inkunu qed titkellem. “Ħin reali” tfisser issa stess, instantanjament waqt li qed nitkellmu. M’hemmx ħames minuti ilu jew il-ħames minuti li ġejjin. Hemm biss l-issa stess, dal-mument preżenti.

Hija l-ħeffa tal-komunikazzjoni maħluqa mill-elettronika li għamlet possibbli li bniedem jara, jisma’, iħoss jew jesperjenza xi ħaġa mbiegħda minnu f’ħin reali, jiġifieri fl-istess ħin li qed tiġri xi ħaġa. Għalhekk ma kienx jeżisti ħin reali qabel l-era tal-komputers u, aktar u aktar, tal-Internet.

Għall-anqas, ma konniex insejħulu hekk għax ma kienx jeżisti. Min-naħa l-oħra, però, dejjem kien hemm is-sens tiegħu. Bħal meta konna ngħidu li xi ħadd irid iwieġeb għal xi ħaġa instantanjament, u ma joqgħodx jaħseb la fuq l-imgħoddi u lanqas fil-ġejjieni, imma fil-mument preżenti. Bħal tas-Sammaritan it-tajjeb, li għamel l-att tal-ħniena tiegħu immedjatament, hekk kif iltaqa’ mal-imsejken, mingħajr ma qagħad jaħsibha.

Rebħa fuq in-natura

Għalina f’dan iż-żmien elettroniku, il-ħin reali jindika r-rebħa tagħna fuq in-natura li tillimitana. M’hemmx distanzi, m’hemmx spazji. Il-ħin reali xejjen dal-impedimenti u jagħtina esperjenza instantanja kulfejn inkunu. Il-limitazzjonijiet naturali ma jagħmlux aktar bina. Il-ħin reali huwa l-aqwa li l-intelliġenza tagħna pproduċiet.

Jista’ jkun li għalhekk nossessjonaw ruħna bih. Għax f’moħħna għandna li mingħajru nonqsu bħala bnedmin; ma nibqgħux l-evoluti li aħna; ma nibqgħux nirbħu fuq in-natura. Għalhekk irridu jekk jista’ jkun kollox f’ħin reali. Aktar ma jkollna affarijiet f’ħin reali, aktar nikkonfermaw l-identità ġdida tagħna ’l fuq mill-ħolqien.

Il-ħin reali sar mhux biss il-kelj li bih inqisu l-kobor jew iċ-ċokon tagħna bħala ħlejjaq evoluti u ċivilizzati, imma sar ukoll il-ġieħ tagħna, il-kburija tagħna u ... l-ossessjoni tagħna.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?