Minn kliemhom tagħrfuhom
In-nies tkun taf x’inhuma minn ħafna affarijiet. Ibda minn kif jilbsu, imbagħad minn kif jagħmlu xagħarhom, imbagħad minn kif jimxu, ukoll minn kif jieklu, u jista’ jkun minn kif jitolbu. Żgur, però, li bniedem tagħraf x’inhu minn kliemu. Isma’ bniedem jitkellem u tkun taf x’ħobż jiekol jew jiswiex ħabba.
Tajjeb/ħażin
Ħafna nies tismagħhom jgħidu x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Qishom kienu Salamun. Jekk jisimgħu b’xi kura, jew xi każ il-qorti, jew xi taħbila teoloġika, jew xi għoqda morali, ismagħhom jippronunzjawlek l-konklużjoni f’tebqa t’għajn. “Dik tajba!” jgħidulek; jew, “Dik ħażina!”
Dad-diskors issibu fuq fomm ħafna nies. Jitħaddtu bħallikieku jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Lanqas l-iċken ħsieb ma jagħtu li jistgħu jkunu żbaljati jew li ħaddieħor jista’ jaqtagħhom b’mod ieħor. Flok “dik tajba” mhux aħjar jgħidu “naħseb li dik tajba”? U flok “dik ħażina” mhux aħjar jgħidu “naħseb li dik ħażina”?
Int, jien u kulħadd x’naħsbu u x’ma naħsbux nistgħu ngħidu, mhux x’inhu tajjeb u ħażin. Li kieku jaħasra nżidu l-kliem “Jien jidhirli li ...” jew “Fl-opinjoni tiegħi ...” mhux aħjar ikun kliemna? Dan ikun juri li nafu noqogħdu pass lura meta nitħaddtu. La naqtgħu bl-addoċċ u lanqas għad-dritt; nesprimu l-fehma jew l-opinjoni tagħna u dan jiswielna biex ma niżbaljawx.
Sabiħ/ikreh
L-istess, issib nies li jgħidulek “Dak sabih” jew “Dik sabiħa”, jew bil-kontra, “Dak ikreh” jew “Dik kerha”. Jistgħu jkunu qed jitkellmu fuq xi ħadd jew fuq xi biċċa arti, skultura, bini, funtana jew xi tkun. Tismagħhom jaqtgħuha li l-ħaġa li qed jaraw jew jisimgħu hija mod u mhux ieħor.
Mhux aħjar jgħidu li dik hi biss il-fehma jew l-opinjoni tagħhom? Flok “Dak jew dik sabiħa” mhux aħjar jgħidu “Togħġobni” jew “Ma togħġobnix”? S’hemmhekk jistgħu jaslu; aktar le. U minflok “Dak ikreh” jew “Dik kerha”, mhux aħjar jgħidu “Jien jidhirli li dak mhuwiex sabiħ” jew “Jien naħseb li dik mhijiex sabiħa”?
Min aħna aħna biex ngħidu x’inhu sabiħ u ikreh, jew ngħidu x’inhu tajjeb jew ħażin? Mhux dejjem sa x’naħsbu u x’ma naħsbux aħna nistgħu naslu? Il-fehma tagħna ma tista’ tkun qatt il-verità sagrosanta; u lanqas l-opinjoni tagħna jew x’naħsbu.
X’naħseb jien
Huwa sabiħ li int, jien u kulħadd jesprimi l-fehma jew l-opinjoni tiegħu. Ma fiha xejn ħażin din. Anzi. Imma li xi ħadd jippreżenta dil-fehma jew dil-opinjoni ta’ bniedem wieħed bħala fatt assolut, dan ma jixraq lil ħadd. Lanqas li kieku dik il-fehma jew opinjoni kienet ta’ miljuni u biljuni ta’ nies, xorta waħda ma ssirx verità assoluta u tibqa’ dejjem fehma jew opinjoni.
Kull bniedem irid jirrealizza li dak li jaħseb hu mhijiex l-aħħar kelma. L-aħħar kelma ma tingħad qatt. Dejjem hekk aktar x’jingħad. Ebda fehma jew opinjoni ma qatt hi finali. Dejjem hemm lok għal aktar aktar fehmiet u aktar opinjonijiet.
Mela qatt m’għandi ngħid li ħaġa hi tajba jew ħażina, imma biss li JIEN naħseb hekk, li JIEN jidhirli hekk, li dik hi biss il-fehma jew l-opinjoni tiegħi u daqshekk. U qatt m’għandi ngħid li ħaġa hi kerha jew sabiħa, imma biss JIEN naħseb hekk.
Il-bniedem li jaf iqis kliemu juri li hu ta’ stoffa. Huwa l-injorant li ma jqisx kliemu u li jitħaddet bl-addoċċ. Kliemna dejjem jikxef min aħna.
Comments
Post a Comment